Angelo Micallef
Qatt ma’ kont u diffiċli nimmaġina li qatt se nkun xi segwaċi leali tat-‘talk shows’ ta’ filgħaxija fl-Istati Uniti. Diffiċli nimmaġina li qatt se nkun xi segwaċi leali, mhux għax ma jogħġobnix il-ġeneru u l-istil ta’ dawk it-‘talk shows’ u wisq inqas għax ma neħux gost nara l-umoriżmu, anzi, l-istil mexxej tagħhom u dak l-umoriżmu kontinwu huma elementi li nħobb infittex meta nsib iċ-ċans nara ftit televiżjoni.
Diffiċli nimmaġina li qatt se nkun xi segwaċi leali għax sfortuntament illum il-ġurnata t-‘talk shows’ ta’ filgħaxija saru totalment ‘one sided’ f’termini politiċi, fejn kull ċajta trid tkun kontra r-Repubblikani u kontra kull min b’xi mod jiġi identifikat bħala konservattiv.
Huwa fatt diffiċli tmerih, il-fatt li nies bħal Jimmy Kimmel, John Oliver, Jimmy Fallon, Stephen Colbert u Seth Meyers għandhom sentimenti politiċi ċari ħafna li jirriflettu ruħhom anki fiċ-ċajt tagħhom.
Madankollu s-sabiħ tad-demokrazija huwa li kulħadd hu liberu li jesprimi l-ħsibijiet tiegħu bl-aktar mod ħieles u liberu anki jekk huma bosta d-drabi li ma naqbilx mal-fehmiet politiċi ta’ dawk il-komiċi, nirispetta bis-sħiħ u b’mod assolut id-dritt sagrosant tagħhom li jwasslu l-fehma tagħhom anki bil-vena umoristika li jitlob il-programm televiżiv rispettiv tagħhom.
Kien għalhekk xokkanti meta ħarġet l-aħbar li l-istazzjon CBS kien qed jikkanċella l-program The Late Show li jmexxi Stephen Colbert. L-istazzjon saħaq li din id-deċiżjoni kienet marbuta unikament ma’ kunsiderazzjonijiet finanzjarji. Madankollu din l-ispjega ftit li xejn niżlet tajjeb ma’ ħafna hekk kif il-programm kien għadu segwit ħafna u popolari u allura diffiċli wieħed jifhem x’konsiderazzjoni finanzjarja jista’ jkun wasslet għal deċiżjoni hekk drastika.
Tiġi wkoll fi żmien meta l-istess stazzjon jinsab f’negozjati kummerċjali li eventwalment iridu jiġu approvati minn awtorità federali. Naturalment dawn kollha spekulazzjonijiet.
Imma m’hemm ebda lok ta’ spekulazzjoni fuq il-ħsibijiet tal-President Trump dwar din id-deċiżjoni. Dan ħareġ jiċċelebra l-aħbar u tefa’ botta mill-aktar ċara li l-istess għandu jiġri lil Jimmy Kimmel u lil Jimmy Fallon li jmexxu program simili fuq l-istazzjonijiet ABC u NBC.
Dnub
Possibbli l-Istati Uniti waslet s’hawn? Possibbli waslet fi stat fejn President jimbotta biex programm televiżiv jinqered sempliċement għax il-preżentatur hu kritiku tiegħu? Possibbli l-Istati Uniti waslet fil-punt fejn li tkun kritiku tal-President Trump titfak fil-mira tat-theddida taċ-ċensura? Possibbli li l-pajjiż li tant iħobb iħabbat sidru u jgħajjat bid-demokrazija għandu demokrazija li ddgħajfet sa’ dal-punt?
Anki tgħidha tinħass stramba; il-President tal-pajjiż li jiftaħar li huwa l-aqwa xempju tad-demokrazija jiċċelebra l-kanċellazzjoni tal-programm televiżiv ta’ kritiku tiegħu u jawgura li jiġri l-istess lil żewġ kritiċi oħra. Tassew l-Istati Uniti sejra lura bħal granċ ma kulma jgħaddi taħt it-tmexxija ta’ Trump.
U bħallikieku dan kollu ma kienx biżżejjed, fl-istess sigħat il-President Trump tefa’ vidjow online li huwa ‘deep fake’ biex juri xena fl-Oval Office, fil-White House, ta’ aġenti federali jiġu biex jarrestaw lill-Eks President Barack Obama.
Mill-ġdid wieħed jistaqsi, dan kollu huwa normali u aċċettabbli f’demokrazija ta’ pajjiż li jippretendi li għandu xi dritt divin li jgħallem lil kulħadd kif taħdem id-demokrazija? Kull min jaqra l-artikli tiegħi jaf li m’inix xi ‘supporter’ ta’ Obama, anzi kont u għadni kritiku ħafna tiegħu, imma li tara xeni hekk imbuttati mill-President attwali huwa xokkanti u ta’ għajb.
Naturalment ngħid dan kollu b’sens ta’ diqa għax fir-realtà l-Istati Uniti għandha kull potenzjal li tkun tassew forza demokratika b’saħħitha. L-Istati Uniti għandha kull potenzjal li tkun tassew forza għall-ġid tal-umanità. Dnub li minflok, bħalissa hemm President li bħal donnu aktar impenjat jiċċelebra fuq il-mezzi soċjali meta xi kritiku tiegħu tinqatagħlu siequ bħalma ġara din il-ġimgħa bil-kanċellazzjoni ta’ Stephen Colbert.
Possibbli l-Istati Uniti waslet fil-punt fejn li tkun kritiku tal-President Trump titfak fil-mira tat-theddida taċ-ċensura?
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>