Lokali

Aċċess għal partijiet fil-kumpless tal-Konkatidral li kienu ilhom snin magħluqa

Din l-aħħar sena kienet waħda fejn fiha sar progress sinifikanti fil-proġett tal-mużew il-ġdid tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Dan il-proġett mhux biss se jipprovdi dar permanenti għas-sett tal-arazzi tal-Konkatidral – magħrufa mad-dinja kollha u l-akbar sett komplut tat-tip tiegħu – iżda se jiġu esebiti wkoll oġġetti religjużi rari mill-kollezzjoni tal-fidda, ilbies liturġiku, u kotba korali tas-seklu 16.

Għall-ewwel darba, il-pubbliku se jkollu aċċess għal partijiet storiċi fil-kumpless tal-Konkatidral li ilhom magħluqa snin sħaħ, u b’hekk dan il-proġett se joffri esperjenza kulturali u religjuża aktar rikka u immersiva.

Pass importanti huwa t-tlestija tal-kostruzzjoni tal-kamra tal-arazzi, li testendi ‘l fuq aktar minn 45 metru…. kif ukoll il-bini ta’ koppla li fiha se tiġi esebita l-Capella Ardente.

Il-faċċati fuq l-erba’ naħat tal-kamra tal-arazzi bħalissa qed jinbnew b’ġebla tal-franka lokali, estratta b’attenzjoni minn siti lokali. Il-faċċata mhux biss tirrifletti s-sengħa u t-teknoloġija kontemporanja, iżda tintegra wkoll il-mużew b’mod armonjuż mal-ambjent storiku tat-toroq tal-Belt Valletta – Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.

Bħala parti mill-proġett ta’ dan il-mużew, ġew restawrati diversi partijiet storiċi u arkitettoniċi importanti, fosthom il-gallarija tal-injam li tħares fuq Triq il-Merkanti, il-faċċati tal-bitħa interna, u l-Caravaggio Wing, li tinsab fil-kantuniera bejn Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann.