Investigazzjonijiet intensivi, b’rabta ma’ serqa armata li kienet seħħet is-sena l-oħra, waslu biex ġiet identifikata l-persuna li allegatament kienet involuta fil-każ u li kienet ħarbet minn Malta.
Permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, it-Taljan kien arrestat fl-Italja u minnufih bdew proċeduri sabiex jiġi estradit lejn Malta. Fil-fatt, tard it-Tlieta bil-lejl, ir-raġel inġieb Malta taħt arrest minn Ruma, eskortat minn tliet Pulizija Maltin.
It-Taljan kien imfittex b’rabta ma’ serqa li saret fis-16 ta’ Jannar, 2024. Dakinhar, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, raġel daħal f’ħanut tal-logħob fi Triq iċ-Ċern, f’San Pawl il-Baħar, allegatament armat b’sikkina. Huwa ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.
It-Taljan se jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, u jkun akkużat fost oħrajn bl-involviment tiegħu fis-serqa msemmija.
//= $special ?>