Sport

Rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar għal Ġunju 2025

Xavier Rizzo (Snooker) u Blake Theuma Dougall (Kickboxing) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Ġunju.

Xavier Rizzo ta’ 16-il sena rebaħ il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-Isnooker wara li fil-finali għeleb lil Ian Camilleri 4-1. Iż-żewġ finalisti ġew promossi għall-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni organizzat mill-Malta Billiards and Snooker Association.

Min-naħa l-oħra Blake Theuma Dougall li għandu 9 snin huwa l-iżgħar kickboxer Malti li rebaħ il-World Kickboxing Association (WKA) International Title Belt. Blake kellu konfront missielet kontra l-Grieg Matteos Kodos waqt l-Under Siege organizzat minn The Arena Combat Sports Promotions.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sport kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com.