Tmiem din il-ġimgħa se jkun immarkat minn riħ qawwi hekk kif l-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li r-riħ se jlaħħaq Forza 6.
Infatti, wara ġranet ta’ sħana kbira, il-gżejjer Maltin minn nhar is-Sibt se jesperjenzaw riħ li jlaħħaq Forza 6 – b’dan ir-riħ mistenni jibqa’ jonfoħ sal-Erbgħa li ġej.
Kaġun ta’ din ir-riħ qawwi dawk li ma jħobbux is-sħana żgur li se jieħdu pjaċir b’temperaturi aktar baxxi. Dan hekk kif il-Ħadd li ġej l-ogħla temperatura mistennija tkun 30 grad celcius imbagħad it-Tnejn u t-Tlieta l-ogħla temperatura se tlaħħaq id-29 grad celcius – ferm inqas mill-40 grad ta’ bħalissa.
Minn naħa l-oħra, matul il-lejl it-temperatura se tvarja bejn 23 grad u 25 grad celcius.
Għalkemm it-temperatura se tinżel, wieħed xorta għandu jibqa’ japplika l-krema protettiva, jixrob ħafna ilma u jevita li joħroġ bejn il-11:00 u l-4:00. Dan hekk kif l-Indiċi UV se jvarja bejn 9 u 10. Dan apparti li wieħed għandu jevita ċertu zoni tul il-kosta hekk kif il-baħar kapaċi jkun qawwi fiz-zoni fejn jaqbel.
Intant, fiz-zona tal-Alpi u n-naħa ta’ fuq tal-Italja qed jiddomina temp mill-aktar instabbli kaġun ta’ pressjoni tal-arja baxxa; bil-konsegwenza li anke kien hemm il-maltemp.
Minn naħa l-oħra, fin-naħa t’isfel tal-Italja kif ukoll fi Sqallija t-temp mistenni li jibqa’ stabbli u b’xemx tiżreġ. Għalkemm anke f’din iz-zona tal-Mediterran…ir-riħ mistenni jtemm il-mewġa ta’ sħana li hemm bħalissa.