Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Ingliż li hedded u weġġa’ erba’ uffiċjali tal-Pulizija f’San Pawl il-Baħar

Ingliż ta’ 34 sena ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin wara li ammetta li hedded, insulenta sitt membri tal-Korp tal-Pulizija u weġġa’ ħafif erbgħa minnhom waqt ġlieda f’San Pawl il-Baħar. Matthew James Henshaw minn Manchester, flimkien mat-tfajla tiegħu Amber Attard, 26 sena minn Burmarrad, tressqu l-qorti l-Ħamis waranofsinhar.

L-Ispettur Sarah Magri spjegat kif l-episodju beda meta Henshaw inqabad isuq mutur kontra direzzjoni f’toroq magħluqa għall-festa fil-lokal. Meta ġie mitlub ineħħi l-elmu, l-uffiċjali nnotaw riħa ta’ alkoħol fuqu u talbuh jagħmel test tal-alkoħol, iżda f’dak il-mument huwa sar aggressiv.

Henshaw ċempel lil Attard biex tiġi tgħinu, u beda jilmenta li l-pulizija ma kinux jitkellmu b’lingwa li hu jifhem. Skont l-Ispettur, waqt li uffiċjal kien qed jispjega s-sitwazzjoni lil Attard, hi allegatament attakkat lill-pulizija, filwaqt li Henshaw insulenta u hedded lill-uffiċjali.

Il-Qorti nnutat li Attard dehret liebsa ċinga medika li turi li kienet imweġġgħa. L-Avukat tad-difiża Victor Bugeja sostna li l-inkwiet beda għax hi semgħet lil Henshaw jgħajjat bħallikieku kien qed ibati minn uġigħ u ġriet lejh.

L-Avukat allega li pulizija għafas sider Henshaw b’mod li kkaġunalu uġigħ, u li diversi uffiċjali għamlu użu minn forza eċċessiva, b’Attard spiċċat b’ispalla diżlokata u diversi tbenġil, filwaqt li l-pulizija allegatament kellhom biss xi ftit brix.

L-Ispettur Magri qalet li l-body cams tal-pulizija kienu mixgħula waqt l-arrest u li Henshaw ma lmentax li ġarrab xi uġigħ eċċessiv, ħlief li l-irbit tal-idejn permezz tal-manetti kkawżawlu xi wġigħ.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, iddikjarat li l-arrest kien validu.

Hu kien akkużat ukoll b’sewqan perikoluż, sewqan taħt l-influwenza u ksur ta’ regolamenti tat-traffiku. Henshaw ammetta l-akkużi u ngħata sentenza sospiża ta’ 18-il xahar ħabs għal tliet snin, multa ta’ €6,000, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur, u ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin.

Attard, li wieġbet mhux ħatja, ingħatat il-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €8,000. Ingħatat ordni biex tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa u ġiet imposta curfew fuqha.

L-Ispettur Sarah Magri mexxiet il-prosekuzzjoni. L-Avukat Axl Camilleri deher għal Henshaw, filwaqt li l-Avukat Victor Bugeja deher għal Attard.