Futbol Sport

STATISTIKA | FC Ballkani ddominaw il-pusses u sabuha faċli jippenetraw fil-kaxxa avversarja

L-ewwel ħdax ta' Floriana qabel il-partita ta' nhar it-Tlieta li għadda kontra FC Ballkani.
L-ewwel ħdax ta' Floriana qabel il-partita ta' nhar it-Tlieta li għadda kontra FC Ballkani.

Barra minn dahrom, Floriana FC taw prestazzjoni tajba fl-ewwel partita minn tnejn kontra FC Ballkani tal-Kosovo. Iridu nkunu onesti magħna nfusna, naħseb konna nkunu qed nistennew wisq mingħand il-greens, jekk stennejna li se naraw lit-tim ta’ Daniel Portela jikseb rebħa fil-Kosovo.

Bejn iż-żewġ timijiet hemm differenza u fuq il-karta FC Ballkani huma aktar b’saħħithom u aqwa minn Floriana. Iżda minkejja dan, fil-ġurnata l-greens, forsi ukoll mingħajr ebda pressjoni, għarfu jilagħbu b’dixxiplina tattika u saħansitra kienu fil-vantaġġ f’żewġ okkazzjonijiet.

L-istatistika miġbura fit-tmiem tal-partita bejn FC Ballkani u Floriana FC, miġbura minn Wyscout, pjattaforma online li tipprovdi data u analiżi ta’ diversi partiti minn kompetizzjonijiet tal-futbol madwar id-dinja kollha.

Eventwalment id-differenza bejn it-tnejn kienet evidenti fit-tieni 45 minuta.. Iżda t-telfa ta’ 4-2, m’għandha toqtol ebda tama għat-tim Malti li l-ġimgħa d-dieħla, fit-tieni leg li se tintlagħab f’pajjiżna, l-affarijiet jistgħu jduru favur Floriana.

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istatistika li ġbarna wara din il-partita, wieħed malajr jinduna li Floriana kellhom it-tajjeb tajjeb. Fl-istess waqt ma nistgħux nagħtu l-impressjoni li FC Ballkani ma kienx jimmerithom ir-rebħa fl-ewwel leg.

It-tieni logħba taf tkun storja oħra, u b’element ta’ fortuna, u ċirkostanzi li jiġru waqt il-logħba li jiffavurixxu lil Floriana, malajr nistgħu nkunu qed naraw lill-Maltin javvanzaw għat-tielet rawnd tal-Conference League.

NB Għalfejn diversi siti sportivi madwar id-dinja, fosthom il-paġna ta’ Replay fuq Facebook u Net News, permezz tat-taqsima sport, ukoll nemmnu daqshekk f’din it-tip ta’ statistika, speċjalment fit-tmiem ta’ partita u biex nagħmlu l-analiżi ttagħna?
Sempliċi. Għaliex l-istatistika miġbura fill-futbol hija parti integrali mil-logħba. Id-dettalji jipprovdu għarfien siewi dwar il-prestazzjoni tat-timijiet rispettivi u ferm aktar.
Fil-logħba tal-futbol, l-istatistika hija għodda b’saħħitha għall-analiżi u biex wieħed jifhem aħjar kwalunké logħba; x’kien hemm tajjeb, x’mar ħażin u tant affarijiet oħra.
L-istatistika tipprovdi għarfien siewi dwar il-prestazzjoni tat-timijiet u l-plejers u jgħinu biex jinfurmaw it-teħid tad-deċiżjonijiet fir-reklutaġġ tal-plejers, it-tattiċi, u l-imħatri sportivi.
Madankollu, huwa essenzjali li l-istatistika tintuża b’mod responsabbli u kuntestwalistiku u li jiġu rikonoxxuti l-limitazzjonijiet u l-preġudizzji potenzjali tagħhom.