Lokali Parlament

47 priġunieri b’kundizzjonijiet kroniċi u li qegħdin jieħdu kura

Hemm 47 priġunieri b’kundizzjonijiet kroniċi u li qegħdin jieħdu kura inklużi fl-Iskeda V (Schedule V), waqt li fl-istess data l-popolazzjoni kollha tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet ta 739.

Dan qalu fil-Parlament il-Ministru Byron Camilleri għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.

Jirriżulta wkoll li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm tliet priġunieri li għandhom mard terminali.

Għal aktar mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ ntqal ukoll li l-priġunieri kollha jsirilhom assessjar psikoloġiku u numru minnhom ikomplu jieħdu għajnuna psikoloġika.

In-numru ta’ persuni fil-ħabs taħt kura psikjatrika huwa ta’ 166.

In-numru ta’ persuni bi trawma u issues oħra inkluż mediċi, huma ferm aktar komuni fost il-persuni li jidħlu l-ħabs meta mqabbel mas-soċjetà.

Il-Ministru qal ukoll li n-nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi u s-sostenn għas-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħhom jista’ jħalli lil dawn l-individwi vulnerabbli, spiss jikkontribwixxu għal imġiba li twassal għall-inkarċerazzjoni. Sistemi ta’ appoġġ komprensivi kemm qabel, waqt, u anke wara li l-persuna tkun il-ħabs huma kruċjali għar-riabilitazzjoni u għat-tnaqqis ta’ reċidiviżmu.