Il-Moviment Graffitti huwa xxukkjat u rrabjat bl-abbozzi ta’ liġi ppreżentati llum fil-Parlament: wieħed li jemenda l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u l-ieħor li jistabbilixxi t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Dawn l-abbozzi ġew introdotti mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika u mingħajr ebda involviment tan-NGOs. Essenzjalment jirrappreżentaw lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi, u jkissru kważi kull salvagwardja legali li kienet għadha teżisti. Fost il-proposti allarmanti tagħhom, dawn l-abbozzi jippermettu lill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar jibdel il-Pjanijiet Lokali mingħajr limitazzjonijiet; jagħtu prijorità lill-politiki tal-ippjanar maħruġa mill-Awtorità fuq il-Pjanijiet Lokali; iħallu lill-Bord tal-Ippjanar imur kontra l-politiki tal-ippjanar; u jippermettu lill-Bord tal-Ippjanar jinjora konsiderazzjonijiet ambjentali, fost numru ta’ miżuri oħra allarmanti.
Barra minn dan, dawn l-abbozzi jimponu restrizzjonijiet kbar fuq id-dritt tal-pubbliku li jappella kontra deċiżjonijiet fl-ippjanar. L-appelli se jkunu limitati għall-punti legali mqajma waqt il-fażi tal-oġġezzjonijiet, soġġetti għal skadenzi mhux realistiċi biex jiġu sottomessi, u se jagħmlu part minn proċess inaċċessibbli. Barra minn hekk, it-Tribunal se jingħata setgħat diskrezzjonarji enormi, inkluż is-setgħa li jbiddel il-pjanijiet waqt il-proċeduri.
Miżura oħra li ma titwemminx f’dawn l-abbozzi hija dik li se tneħħi s-setgħa tal-qrati li jirrevokaw permessi ta’ żvilupp.
Dan jirrappreżenta xejn inqas minn kolp ta’ stat mill-iżviluppaturi – attakk dirett li se jwassal għal ħsara irreparabbli fis-sistema tal-ippjanar u l-ambjent f’pajjiżna.
Il-Moviment Graffitti jħeġġeġ lill-pubbliku biex jipprepara għall-ġlieda li ġejja.
//= $special ?>