Ekonomija Lokali

FL-EWWEL SITT XHUR: Id-deficit tal-pajjiż jisplodi minn €90 miljun għal €457 miljun

Ċifri uffiċjali tal-NSO juru li sa tmiem Ġunju, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €457.4 miljun – konferma oħra għal Robert Abela li l-finanzi tal-Gvern ħarbulu minn idejh, u li dan il-kaos qed iħalli ħerba fil-fondi pubbliċi.

Meta wieħed iqabbel mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti telaʼ bʼ€69.6 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€437.2 miljun. Iż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul rikorrenti biex bʼhekk kien hemm bidla negattiva taʼ €367.6 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.

Dawn iċ-ċifri juru li minn €90 miljun għall-ewwel sitt xhur tal-2024, id-deficit issa sploda għal €457 miljun; li fih innifsu jfisser ukoll li l-famuż surplus li tant kien jiftaħar bih il-Gvern Laburista issa sfuma fix-xejn.

Intant, sa tmiem Ġunju, id-dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,992.7 miljun – €1,011.6-il miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.