Lokali Temp

Ħafna anzjani u familji qed iħossu l-effett tas-sħana estrema

Ninsabu fl-eqqel tas-sajf u jidher li s-sħana qed tkompli tippersisti. Dan hekk kif matul l-aħħar jiem pajjiżna esperjenza temperaturi li laħħqu l-40 Grad Celsius.

Crew ta’ Net News il-Ġimgħa filgħodu żar il-Belt Valletta fejn hemmhekk staqsejna lin-nies kif qed jiġu affettwati mit-temp estrem. U kif qed jippjanaw li jqattgħu il-vaganzi tas-sajf.

Fost dawn, kien hemm ħafna anzjani li stqarrew magħna kif qed joħorġu barra għall-bżonnijiet biss. U li qed jippreferu jibqgħu d-dar – ‘il bogħod mix-xemx.

Dan it-temp sħun huwa kollu riżultat ta’ arja niexfa li estendiet minn fuq il-kontinent Afrikan lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.

Esperti kkonfermaw ma’ Net News li din il-pressjoni għolja fuq il-Libja u l-Mediterran Ċentrali qed iġġib sħana estrema li qed testendi lejn l-Italja, partijiet ta’ Spanja u zoni oħra fil-kontinent Ewropew. U f’xi każi, it-temperaturi qed imissu anke l-45 grad.

Iżda il-jiem li ġejjin jafu jagħtuna ftit aktar nifs. Hekk kif il-previżjonijiet kollha qed juru li t-temperaturi se jieħdu daqqa ‘l isfel – kaġun tar-riħ qawwi li mistenni jolqot il-Gżejjer Maltin.