Lokali Qorti

Il-każ tal-estradizzjoni ta’ Daniel Meli mistenni jiġi konkluż fil-jiem li ġejjin

Il-każ dwar l-estradizzjoni taż-żagħżugħ Daniel Meli mistenni jiġi konkluż fil-jiem li ġejjin hekk kif il-Qorti mistennija tagħti s-sentenza nhar it-Tlieta. Meli, żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani biex jiffaċċja akkużi relatati mal-bejgħ ta’ software malizzjuż magħruf bħala RAT (remote access trojan), li jintuża biex jinfetħu jew jiġu kkontrollati sistemi kompjuterizzati.

L-allegati reati jmorru lura sa Diċembru tal-2012 u baqgħu għaddejjin sa Ġunju tal-2022. Filwaqt li l-ewwel kien qabel mal-estradizzjoni, Meli aktar tard bidel fehmtu u beda jikkontesta l-proċess. Wara li fetaħ kawża kostituzzjonali, il-liġi ġiet emendata biex tippermetti lill-persuni jibdlu l-kunsens tagħhom għall-estradizzjoni. Dan wassal biex il-każ reġa’ beda mill-ġdid.

Meli rebaħ l-ewwel stadju, iżda l-Avukat Ġenerali appella. Meta l-Qorti semgħet is-seduta l-Ġimgħa, l-Imħallef Grixti beda jaqra s-sentenza, sakemm ġie interrott mill-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Daphne Baldacchino, li fakkritu li l-għan tas-seduta kien għas-sottomissjonijiet finali u mhux għas-sentenza.

L-Imħallef inizjalment oġġezzjona għall-interruzzjoni, iżda wara li eżamina l-minuti qalilha: “Għandek raġun.” Id-difiża, rappreżentata mill-avukat Lennox Vella, talbet li s-seduta tiġi posposta, iżda l-Avukat Ġenerali oġġezzjona qatigħ, u sostna li s-seduta kienet ġiet skedata minn żmien ilu. L-Imħallef Grixti qal: “L-unika vittma f’dan il-każ jien, għax ktibt is-sentenza.”

Il-prosekuzzjoni saħqet li d-dewmien fil-proċess ma kienx tort tagħhom, u fakkru li l-każ jinsab taħt dawl medjatiku. L-avukat tad-difiża Franco Debono, min-naħa tiegħu, irrimarka li lanqas id-difiża ma għandha tort għad-dewmien, u qal li kient il-liġi stess li kienet “mhux mixtieqa” u l-Istat kellu jintervjeni biex jemenda l-qafas legali.

Debono insista li l-klijent tiegħu għandu drittijiet li qed juża taħt liġi ġdida, u fakkar ukoll li Meli kien ilu taħt arrest waqt li l-liġi kienet qed tiġi aġġornata. Hekk kif il-każ ta’ estradizzjoni ta’ Daniel Meli kompla jinstema’ fil-Qorti tal-Appell, l-Avukati tal-Avukat Ġenerali qalu li qed isofru inġustizzja minħabba nuqqasijiet mill-Qorti tal-Maġistrati waqt il-proċess tal-ewwel istanza.

L-Avukat Sean Xerri De Caro insista biex jinstema’ xhud ġdid, iżda ġie mwissi mill-Imħallef Giovanni Grixti biex jevita li jkun ta’ dispress lejn il-qorti. Huwa saħaq li dawn mhumiex proċeduri ordinarji u li l-liġi tippermetti l-preżentazzjoni ta’ evidenza ġdida anke fil-fażi tal-appell, kemm mill-uffiċċju tal-AĠ kif ukoll mid-difiża.

“F’dan il-każ, il-Qorti qed tiddeċiedi jekk persuna għandhiex tiġi estradita jew le,” qal Xerri De Caro. Huwa spjega li fl-estradizzjoni, l-Avukat Ġenerali ma joperax bħala prosekutur iżda bħala “Awtorità Ċentrali” – estensjoni tal-Istat Malti – taħt ftehimiet internazzjonali bħat-trattat bejn Malta u l-Istati Uniti u dak bejn l-UE u l-Istati Uniti.

L-Avukat semma kif f’seduti preċedenti ma ġewx irreġistrati f’minuti uffiċjali ċerti deċiżjonijiet importanti, fosthom offerta li jiġi appuntat espert biex jiftaħ pen drive li kien fih software malizzjuż ippreżentat mill-FBI, b’koordinazzjoni teknika sabiex ma ssirx ħsara lill-kompjuter tal-espert.

L-Avukat Daphne Baldacchino qalet li anke meta uffiċjali mid-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin xehdu – bħal Maria Baldacchino Bonnici – il-Qorti waqqfet ix-xhieda tagħha u rrifjutat dokumenti għax ma riditx “duplikazzjonijiet”. Anke dan ma ġiex rifless fil-minuti tal-proċedura.

“Inħossu li qiegħda ssir inġustizzja lejna,” qalet Baldacchino. Mill-banda l-oħra, l-avukat tad-difiża Franco Debono qal li s-sottomissjonijiet finali tal-AĠ kienu “attakk dirett” fuq il-mod kif il-Maġistrat mexxa l-proċeduri tal-ewwel istanza. Hu sostna li l-minuti jistgħu jinkisbu waqt jew wara s-seduta, u li huma r-responsabbiltà tar-reġistratur deputat, mhux tal-prosekuzzjoni.

Dr. Debono fakkar ukoll li l-klijent tiegħu kien taħt arrest għal tul ta’ żmien sakemm il-liġi ġiet emendata biex tippermetti t-tibdil tal-kunsens fl-estradizzjoni. Insista li l-uffiċċju tal-AĠ kellu biżżejjed żmien biex iressaq l-evidenza tiegħu u ħeġġeġ lill-Qorti sabiex tikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel istanza li ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni.

Dr. Xerri De Caro temm billi saħaq li d-dokumenti tal-estradizzjoni ġew ippreżentati taħt ġurament mis-Supretendent Mario Cuschieri u l-Ispettur Robinson Mifsud, u li dan il-ġurament jagħtihom awtentiċità legali. “L-Awtorità Ċentrali m’għandhiex tbati minħabba nuqqasijiet tal-Qorti,” qal l-avukat.

Il-każ ġie aġġornat għal ġimgħa d-dieħla.

Il-Qorti kienet kienet preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti. L-Avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kienu Sean Xerri De Caro, Daphne Baldacchino u Maria Zerafa Le-Gros, filwaqt li l-avukati Franco Debono, Lennox Vella u Arthur Azzopardi dehru għal Meli.