Sport Sport Ieħor

Il-Maltija Camilleri Lagana tirbaħ midalja tal-bronż fil-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ tal-Weightlifting

Kim Camilleri Lagana
Kim Camilleri Lagana

Malta llum kisbet suċċess fit-tieni ġurnata tal-Kampjonati Ewropej tal-Weightlifting taż-Żgħażagħ u ta’ taħt il-15-il sena, meta fl-event tal-Clean & Jerk, Kim Camilleri Lagana rebħet il-midalja tal-bronz.

Il-prestazzjoni ta’ Camilleri Lagana kienet mill-aqwa, f’kompetizzjoni fejn kien hemm sfida kbira bejn il-kontestanti kollha li pparteċipaw f’din l-event. 16-il weightlifter, li huma meqjusa l-aqwa fl-Ewropa f’din il-kategorija, ħadu sehem fil-finali li fiha l-Maltija rebħet il-bronz.

Camilleri Lagana rrnexxilha turi l-aħjar tagħha f’din il-finali, minkejja l-isfidi diffiċli li kellha kontra tagħha. Fil-Clean & Jerk, l-atleta Maltija dehret mentalment iffukata u tat prova tar-reżiljenza tagħha meta kienet kapaċi terfa’ 88kg biex assigurat it-tielet post u r-rebħ tal-midalja tal-bronz.

Bil-wirja eċċezzjonali tagħha, Camilleri Lagana rrnexxilha tegħleb il-kompetizzjoni ta’ weightlifters li sa minn qabel il-finali kienu meqjusa aktar favoriti minha.

Il-battalja għal post fuq il-podium, u allura mal-ewwel tlieta ta’ din il-finali, kienet waħda intensa iżda finalment rat lil Camilleri Lagana tegħleb is-saħħa ta’ kompetituri ta’ isem, fosthom dawk mil-Ukrajna, it-Turkija u l-Italja rispettivament. Dan il-fatt jagħmel ir-rebħ tal-midalja tal-bronz minn Camilleri Lagana aktar sinifikanti, bil-prestazzjoni tal-Maltija kienet eżempju mil-aqwa ta’ dixxiplina u grinta, hekk kif  l-atleta ta’ 17-il sena uriet personalitá kbira.

Bla dubju dan ir-riżultat prestiġjuż ikompli jgħolli l-profil tad-dixxiplina tal-weightlifting lokali lilhinn minn xtutna, hekk kif ir-rebħ ta’ din il-midalja jikkonferma kemm Malta qed tkompli tgħolli l-livell tagħha fil-weightlifting.