Hekk kif in-negozji ż-żgħar l-aktar li qed jintlaqtu ħażin min-nuqqas ta’ azzjoni u ppjanar tal-Gvern fis-settur tal-enerġija, fl-aħħar sigħat kien hemm diversi kummenti minn sidien ta’ stabbilimenti li lmentaw dwar din is-sitwazzjoni inaċċettabbli.
Saħanistra s-sidien ta’ ristorant partikolari, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, spjegaw kif ilbieraħ, għat-tieni darba fi spazju ta’ 24 siegħa, kellhom jagħlqu l-istabbiliment tagħhom minħabba li spiċċaw bla dawl. L-istess sidien qalu li għas-sitt darba fi spazju ta’ xahrejn marrilhom id-dawl b’detriment għan-negozju tagħhom. Waqt li akkużaw lill-Gvern li qed jirrovina lin-negozji, staqsew direttament lill-Gvern u lil Robert Abela hux se jiġu kkumpensati tad-danni li qed isofru kull darba li jinqata’ d-dawl.
Waqt li jirringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta tal-ħidma tagħhom biex isolvu l-problemi, il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-familji u mas-sidien tan-negozji li qed ibatu kaġun tal-inkompetenza tal-Gvern li għal sajf ieħor naqas li jaċċerta ruħu li pajjiżna ma jerġax jgħaddi minn dawn il-problemi fl-eqqel tas-sajf.
Fi stqarrija Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni; u Robert Cutajar, ix-
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi; tennew li ironikament, dan kollu qed iseħħ waqt li l-Ministeru għas-Saħħa qed jibgħat messaġġi lill-pubbliku jwissi lin-nies biex jevitaw ix-xemx minħabba l-mewġa ta’ sħana li qed nesperjenzaw din il-ġimgħa, u jappella biex kemm jista’ jkun kulħadd jibqa’ d-dar fil-frisk – xi ħaġa li min jispiċċa bla provvista tal-elettriku ma jistax jagħmel.
Huwa ċar li minkejja d-diversi twissijiet, il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mill-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies hekk kif minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul, u minkejja li suppost ġab power station temporanja biex jilqa’ għall-problema, l-infrastruttura tal-enerġija f’pajjiżna xorta mhux qed tlaħħaq, speċjalment biż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni li ġab il-Gvern stess.
Il-qtugħ tad-dawl qed iħalli konsegwenzi mhux biss fuq in-negozju f’pajjiżna imma wkoll fuq il-familji Maltin u Għawdxin, speċjalment fuq l-aktar kategoriji vulnerabbli tas-soċjetà tagħna – bħall-anzjani u l-morda – li għal xi raġuni jew oħra, jiddependu fuq l-elettriku għal xi tip ta’ servizz mediku. Spiċċajna biex minflok qed iwassal il-mediċini d-dar bieb bieb kif wiegħed, il-Gvern illum spiċċa jibgħat il-generators barra l-bibien tad-djar u taħt it-twieqi tan-nies biex b’xi mod isolvi l-problemi li ħoloq hu stess.
Pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi jixirqilhom gvern li jassigura li jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Żgur li ma jixirqilhomx gvern li jinsab f’kaos – u li ma jafx fejn se jaqbad jagħti rasu – anke fejn jidħol l-aktar servizz bażiku li ninħtieġu ta’ kuljum: dak tal-enerġija.
//= $special ?>