Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat raġel mixli b’insulti fuq 13-il uffiċjal tal-Pulizija: Itenni li hu l-‘Bob Marley ta’ Malta’

Raġel ta’ 38 sena, Adam Samake, ċittadin mill-Kosta tal-Ivorju li jgħix f’Santa Venera, tpoġġa taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li kiser l-ordni pubblika, insulta 12-il uffiċjal tal-Pulizija kif ukoll Spettur, u li kkawża ħsara volontarja f’karozza.

Il-każ quddiem il-Qorti kien immarkat minn għajjat kontinwu mill-imputat, li mill-bidu nett insista li ried jirrappreżenta lilu nnifsu, billi sostna li l-avukat tiegħu, minkejja li għandu warrant, “ma kellux kwalifiki”. Samake, li huwa mekkanik, akkuża wkoll lill-Qorti li ma kinitx qed tisimgħu, u qal li “għandha titkellem bis-sens”.

Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u l-Qorti għaddiet biex tisma’ s-sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest. F’dak il-mument, Samake reġa’ qam u nsista li “qatt m’għandu jkun ġie arrestat”. L-akkużat qal ukoll li hu “l-Bob Marley ta’ Malta.”

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi sostniet li Samake ma ppreżentax prova ta’ impjieg jew rabtiet leġittimi mal-pajjiż. Sar ukoll riferiment għall-karattru tiegħu u għall-fatt li ripetutament jonqos milli josserva ordnijiet legali.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u Samake baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. Hekk kif kien qed joħroġ mill-awla, Samake kompla jinsisti li m’għamel xejn ħażin, u ddikjara li dan kien “delitt kontra l-umanità” u li kien se “jmur lura d-dar”.

L-Ispettur Elisia Scicluna mexxiet il-prosekuzzjoni. L-Avukata tal-Għajnuna Legali Julia Micallef Stafrace dehret għall-akkużat.