It-tim nazzjonali Malti tal-Beach Soccer illum laħaq tragward sinifikanti meta kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fil-Euro Beach Soccer League, f’Diviżjoni B. Malta għelbet lin-Norveġja 3-2, fl-iStabia Beach Arena f’Castellammare di Stabia.
Taħt it-tmexxija tal-kowċ Marco Casarsa, Malta rrnexxilha tieħu vantaġġ mit-tkeċċija ta’ Amund Haaland Aano u skorjat mal-ewwel, grazzi għal Lee Joe Schembri.
Dan il-gowl ta aktar saħħa lill-Maltin u Daryl Micallef żied gowl ieħor għal skor parzjali ta’ 2-0, ftit mumenti biss wara l-gowl inizjali tal-partita.
Malta bdiet it-tielet taqsima 2-0 minn fuq, u wara ftit minuti mill-bidu ta’ din it-taqsima, il-vantaġġ tal-Maltin kiber għal tliet gowls. Micallef reġa’ kien l-awtur tal-gowl ta’ Malta għal skor parzjali ta’ 3-0. Wara dan il-gowl, il-plejers taħt il-gwida teknina ta’ Casarsa kellhom faċilment iċ-ċans li jżidu aktar gowls mat-tlieta li kienu diġa’ skorjaw imma r-raba’ gowl ta’ Malta baqa’ ma wasalx.
Tard f’dan il-konfront, l-avversarji tal-Maltin, in-Norveġja ppruvaw jidħlu fil-logħba u rrnexxilhom jiskorjaw għal darbtejn permezz ta’ gowls minn Andreas Skotheimsvik u Sebastian Haga. Bl-iskor 3-2 favur Malta, il-plejers tagħna għarfu jiddefendu l-gowl vantaġġ bi bravura biex il-Maltin irreġistraw dik li kienet l-ewwel rebħa storika tagħhom fil-Euro Beach Soccer League.
Wieħed jittama li dan ir-riżultat ikompli jixpruna lit-tim nazzjonali Malti biex ikomplu jagħtu aktar prestazzjonijiet bħal dik tal-llum kontra n-Norveġja fiż-żewġ partiti li għad iridu jilgħabu f’dan il-mini-turnament.
Għada, f’12:30pm, Malta tilgħab it-tieni logħba f’din il-kompetizzjoni kontra r-Rumanija filwaqt li l-aħħar logħba hi skedata għal nhar il-Ħadd, meta il-Maltin jagħlqu l-impenji tagħhom kontra l-Każakhstan, f’logħba li tibda fil-11:15am.
//= $special ?>