Għal sighat twal, membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu għaddejjin b’ħidma biex jitfu n-nirien kbar li tard il-Ġimgħa filgħaxija ħakmu fabbrika f’Ħal Far.
Fil-post waslu wkoll Pulizija u anke timijiet mill-emergenza ta’ Mater Dei. Dan apparti numru ta’ vetturi tas-CPD li utilizzaw ammonti kbar ta’ ilma.
In-nar ikkaġuna daħna kbira sewda li ksiet mhux biss iz-zona tal-madwar, iżda anke f’lokalitajiet varji.
Mill-ewwel informazjoni li kiseb Net News jidher li nar żviluppa għall-ħabta tat-8pm fil-fabbrika C&V Polymers. Dan huwa impjant li jirriċikla plastik.
In-nar ġie kontrollat fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu wara ħidma intensiva u delikata minn naħa tal-membri tas-CPD.

