Opinjoni

OPIJNJONI: Iċ-Ċittadinanza – Gvern bla prinċipju u rispett lejn l-identità Maltija

Il-Gvern kellu jaċċetta li jwaqqaf l-iskema wara deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja... għal darb’oħra l-PN kellu raġun

minn Dione Borg

Wara li għal snin twal il-Gvern Laburista baqa’ jwebbes rasu u ma jisma’ minn ħadd dwar il-ħsara irreparabbli li kien qed jagħmel lir-reputazzjoni ta’ Malta bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u tal-passaport Malti, nhar l-Erbgħa li għadda l-Gvern waqqaf din l-iskema.

Bla mistħija politika ta’ xejn, nhar l-Erbgħa li għadda l-Gvern Laburista mar il-Parlament u ppreżenta skema ġdida li għandha ħafna prinċipji li fuqhom kien ilu jitkellem il-Partit Nazzjonalista. Mhux biss ma staħax, talli ppretenda li dak li kien qed jagħmel kien xi prinċipju li dejjem attwa l-Gvern Laburista.

Il-PN kien ilu jwissi lill-Gvern li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u taċ-ċittadinanza Maltija ma kinetx mibnija fuq il-prinċipji ta’ rabta ġenwina bejn min jikseb iċ-ċittadinanza u l-pajjiż.

Kienet skema mibnija biss fuq l-aspett finanzjarju ta’ xi ħadd minn madwar id-dinja, irrispettivament min hu, li ried jikseb ċittadinanza Ewropea u allura ra li l-uniku mezz kif jagħmel dan hu li juża ċ-ċittadinanza Maltija. Hu ta’ diżunur għal Gvern li jissejjaħ ‘Malti’ li jispiċċa jbigħ l-identità u ċ-ċittadinanza tiegħu lil persuni, ħafna minnhom b’każi u reputazzjoni negattiva, minn madwar id-dinja. Bla dubju li l-ebda Gvern li jimxi f’din id-direzzjoni ma jista’ jissejjaħ Malti u ma jista’ jiddikjara li għalih Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Oriġinarjament, il-Gvern Laburista kien introduċa l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza bħala waħda li kellha tkun mibnija fuq l-investiment li dawn il-persuni li jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija kienu obbligati li jagħmlu f’Malta. Apparti l-fatt li l-Partit Laburista qatt ma kien daħħal din l-iskema fil-programm elettorali tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-fatti huma li din l-iskema ma servietx biex inġieb investiment ġdid ekonomiku fil-pajjiż. Kienet biss skema li biha l-Gvern daħħal il-miljuni għax ma kienx kapaċi joħloq setturi ekonomiċi ġodda.

Il-ħsara li din l-iskema għamlet lir-reputazzjoni ta’ Malta hi kbira u irriversibbli. Il-fatt li diversi drabi pajjiżna spiċċa kkritikat fil-midja internazzjonali fuq każi ta’ persuni b’reputazzjoni negattiva li jispiċċaw jixtru ċ-ċittadinanza Maltija hu fih innifsu element negattiv ħafna ta’ din l-iskema. Iżda minkejja dan, il-Gvern Laburista baqa’ għaddej u ma sema’ minn ħadd.

Kellha tkun il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li twaqqaf lill-Gvern Laburista milli jkompli għaddej b’din l-iskema. Dan għaliex din l-iskema kienet tmur kontra r-regoli tal-UE u tal-prinċipji ta’ ċittadinanza Ewropea. Ir-ras iebsa tal-Gvern wasslet biex Malta tkun kundannata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja konsegwenza ta’ Gvern li ma riedx jisma’ u ma riedx jagħmel skema tajba mill-ewwel.

Wara tant snin li fihom il-Gvern kien jitkellem biss fuq flus, issa l-Gvern biddel id-diska u qed jitkellem fuq skema ta’ ċittadinanza għal riċerkaturi, edukaturi u investituri ta’ kwalità, fost oħrajn. Dan hu propju dak li l-PN kien ilu jgħid u jsostni fuqu għal snin twal.

Malta mhux Prim Ministru/salesman ta’ skema li tmur kontra l-prinċipji Ewropej u Maltin kellha bżonn, iżda Prim Ministru/salesman li jdur id-dinja jġib l-investiment lejn il-pajjiż.

Mhux minnu dak li qed jgħid il-Gvern li fuq iċ-ċittadinaza Maltija se jibqa’ jiddeċiedi l-Gvern Malti; għaliex il-Gvern Malti kellu jibdel din l-iskema propju minħabba d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Li kien għall-Gvern Laburista kien jibqa’ għaddej bl-iskema li issa neħħa; għax mhux veru jemmen fi skema ta’ kwalità iżda ried biss skema ta’ konvenjenza għan-nuqqas ta’ ppjanar dwar kif se jattira investiment barrani lejn il-pajjiż.

Nhar l-Erbgħa fil-Parlament il-Gvern reġa’ attakka lill-PN u akkużah li għamel ħsara lil Malta meta pprova jiftaħ għajnejn il-Gvern. Minflok jaċċetta li issa kellu jattwa dak kollu li qal il-PN dwar din l-iskema, il-Gvern issa jibqa’ jwebbes rasu u jibqa’ destinat li jattakka lill-PN; meta l-istorja reġgħet tat raġun lill-Partit Nazzjonalista.

Il-Gvern irid jifhem li l-ħsara lil Malta għamilha min daħħal skema li ma kinetx tirrispetta l-valuri taċ-ċittadinanza, min baqa’ jwebbes rasu, min aċċetta ċerti persuni ta’ reputazzjoni ħażina u tahom iċ-ċittadinanza Maltija/Ewropea, u min kisser l-identità ta’ pajjiżna.

Tant il-Gvern tilef l-argument fuq din l-iskema li uża saħansitra lill-għaqdiet volontarji biex jipprova jġib is-simpatija tagħhom u tal-poplu. Hu ta’ għajb li l-Gvern niżel f’dawn il-livelli meta l-fatti huma li kull Gvern kien jgħin lil dawn l-għaqdiet iżda kien biss il-Gvern Laburista li biegħ il-passaport Malti biex għamel dan.

Malta jistħoqqilha programm ta’ ċittadinanza iżda ma jistħoqqilhiex programm li jkissrilna r-reputazzjoni tagħna bħala pajjiż. Malta jistħoqqilha Gvern li jdur id-dinja biex iġib l-investiment lejn Malta u mhux joħloq skemi li ma jkunux mibnija fuq pjan fit-tul. Kien evdienti li din l-iskema ta’ bejgħ ta’ passaporti ma kellhiex futur twil għaliex ma kellhiex ir-rabta ġenwina mal-pajjiż u ma kinetx tirrispetta l-valuri taċ-ċittadinanza fil-qofol tagħha.

Il-PN kellu raġun; iżda l-importanti mhuwiex min għandu raġun. L-importanti hu li pajjiżna jkollu Gvern li jġib bidla u li r-reputazzjoni tagħna ma tkomplix taqla’ daqqiet negattivi internazzjonalment. Sakemm dan il-Gvern jibqa’ bla pjan kif se joħloq setturi ekonomiċi ġodda? Sadanittant kuljum nistennew li mmissu qiegħ ġdid.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 25 ta’ Lulju, 2025.