minn Joe M. Zahra
Il-problema tal-għargħar fl-inħawi ta’ Birkirkara, Ħal Qormi u l-Imsida ilha magħna. Kif inhi f’partijiet oħra ta’ pajjiżna iżda forsi mhux bl-istess forza. Kulħadd jiftakar it-twiebet jgħumu f’Ħal Qormi u l-ħsarat li saru iktar minn darba f’dawn l-inħawi wara xi maltempata. Din issa hi biss storja. Dejjem jekk issir il-manutenzjoni meħtieġa!
Dan hu proġett ewlieni li twettaq f’pajjiżna bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Dejjem skont dokument tal-Kummissjoni Ewropea “l-għargħar kien rikonoxxut bħala avveniment naturali li jista’ jdgħajjef l-isforz Ewropew lejn l-iżvilupp sostenibbli, tant li fil-fatt, f’Malta, l-għargħar ta’ ilma qerriedi ħalla impatt, dirett jew indirett, fuq is-setturi ekonomiċi u produttivi kollha tal-Gżejjer Maltin.” Ir-rapport jinnota wkoll li “dan il-proġett qiegħed jgħin lil Malta tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għargħar, li għandha l-għan li tiġġestixxi r-riskji li jikkawża l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent, għall-wirt kulturali u għall-attività ekonomika.”
Infrastruttura kontra l-għargħar
Taħt Gvern Nazzjonalista nqabad il-barri minn qrunu u twettaq il-Proġett għal Kontra l-Għargħar li mill-istess dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea fl-2013 jindika li dan qed “jagħmel passi kbar sabiex inaqqas ir-riskji għall-ħajja u l-proprjetà tan-nies ikkawżati mill-ilma tal-wiċċ li jitkaxkar b’qawwa kbira u mingħajr kontroll.”
Dan il-proġett kien maħsub biex jindirizza n-nuqqas ta’ sistema adegwata għall-ġestjoni tal-ilma tal-maltempati f’Malta permezz ta’ bini ta’ netwerk ta’ mini taħt l-art, kanali u pontijiet sabiex tkun ipprovduta sistema aħjar biex l-ilma tax-xita jsib triqtu.
L-infrastruttura għal kontra l-għargħar tkopri medda 65 kilometru kwadru tat-teritorju f’Malta u kapaċi tikkontrolla l-konsegwenzi ta’ maltempati f’perijodu ta’ ritorn ta’ ħames snin. Dejjem skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, il-proġett iżid il-magħqad tal-ilma minn 300,000 metru kubu għal 650,000 metru kubu fis-sena.
Approċċ integrat
Hawnhekk se nikkwota minn rapport ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, dak ta’ Settembru 2011.
Dan ir-rapport bit-titlu “Approċċ integrat għall-għajnuna kontra l-għargħar” insibu li l-għargħar jiswa l-flus, u xi kultant, il-ħajjiet. “Huwa stmat li f’Settembru tal-2003, l-għargħar f’Malta kkaġuna €30 miljun f’danni lir-residenti, lin-negozjanti, l-infrastruttura, fin-netwerk tal-ilma u tal-elettriku u fis-sistema tad-drenaġġ.” U hawn fejn jgħid li l-għan ta’ dan il-proġett hu li jiżviluppa approċċ integrat għall-ġestjoni tal-għargħar u ta’ widien flimkien mal-mitigazzjoni tal-effetti dejjem aktar negattivi tat-tibdil fil-klima fuq iz-zoni urbani li huma partikolarment suxxettibbli għall-għargħar.
L-ilma jrid jiġi kkontrollat jekk irriduh imur fid-direzzjoni t-tajba. Għalhekk dan il-proġett ħaseb li flok l-ilma jitkaxkar fit-toroq jmur f’mini taħt l-art, bl-aktar mina strateġika flimkien ma’ servizzi infrastrutturali, tkun dik bejn in-Naxxar u Ħ’Attard u l-Marina ta’ Ta’ Xbiex. Din il-mina ta’ ħdax-il kilometru b’sitt xaftijiet ewlenin tfasslet strateġikament ħdejn il-mina ewlenija biex iservu bħala punti ta’ dħul u ħruġ sew matul il-bini kif ukoll it-tħaddim tal-proġett. Tqiegħdu wkoll 82 gradilja minn tarf sa tarf tat-toroq biex jieħdu l-ilma li jinżel mix-xita. Ma’ Triq Aldo Moro nbniet sistema ikbar ta’ culverts filwaqt li mina ta’ 1.8 kilometri kellha taqsam min-naħa għall-oħra ta’ Ħaż-Żebbuġ biex tiġbor l-ilma ta’ din il-lokalità u titfgħu direttament f’Wied Qirda.
Il-mini taħt l-art, ta’ dijametru bejn tlieta u seba’ metri, inbnew f’fond ta’ bejn tmienja u 52 metru taħt il-livell tat-triq filwaqt li kienu ppjanata seba’ xaftijiet fil-kumpless tal-mini biex jiffaċilitaw superviżjoni u xogħol ta’ manutenzjoni.
Ġibjuni, debris u ħamrija
Dejjem skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea l-proġett kellu jinvolvi ż-żamma ta’ 10,000 metru kubu ta’ ilma fil-ġibjun tal-Gżira flimkien ma’ potenzjal ta’ 600,000 metru kubu f’forma ta’ ilma jinġabar fil-mini u li jintuża jew għat-tisqija jew biex jiċċarġja l-aquifers.
Niftakar li qabel beda jitwettaq dan il-proġett eluf ta’ tunnellalti ta’ debris kienu jinġabru mill-widien ta’ Malta flimkien ma’ mijiet ta’ trakkijiet ta’ ħamrija li kienet tiġi mqassma mill-ġdid lill-bdiewa. Din il-problema, minbarra l-inkonvenjent, tiswa l-miljuni ta’ ewro kull sena.
Fil-passat il-‘culverts’ biex minnhom jgħaddi l-ilma kienu jinbnew b’tali mod li seta’ jinżel bniedem fihom u jnaddafhom. Ħafna minn dawn il-culverts imtlew bl-iskart għax ma saritx iktar manutenzjoni fuqhom. Ħasra għaliex dawn huma l-veri culverts! Illum il-culverts inbidlu f’katusi li darba jimtlew bil-materjal mhux faċli tnaddafhom l-iktar jekk ikunu ta’ dijametru żgħir. Dawn huma ta’ inkonvenjent anke f’toroq abitabbli għaliex l-ilma li ma jgħaddix minnhom jgħaddi mill-wiċċ tat-triq u joħloq “mini-xmajjar” bil-ħsara u l-inkonvenjenzi kollha li dan iġib miegħu.
Taħt Triq Aldo Moro iż-żewġ pontijiet li kien hemm, u li kienu jwasslu għal sadd spiss fis-sistema, inbidlu f’żewġ sistemi ta’ mini magħmula minn mini “precast” wiesgħa 3.75 metri u għolja 1.75 metri. Mini simili precast tqiegħdu fi Triq Garibaldi meta nbniet mill-ġdid. Għaliex dan il-proċess li ta riżultati tajbin ma jiġix ikkupjat f’toroq ewlenin u toroq fil-lokalitajiet b’mini precast iżda ta’ daqs iżgħar!
Hemm bżonn li nerġgħu mmorru lura għall-culverts u mini mibnijin jew precast fejn tkun tista’ ssir il-manutenzjoni qabel jidħol l-istaġun tax-xitwa. B’hekk biss nevitaw l-“għargħar” fit-toroq u l-inkonvenjenzi għal eluf ta’ nies wara xi matempata.
Hemm bżonn li nerġgħu mmorru lura għall-culverts u mini mibnijin jew precast fejn tkun tista’ ssir il-manutenzjoni qabel jidħol l-istaġun tax-xitwa. B’hekk biss nevitaw l-“għargħar” fit-toroq u l-inkonvenjenzi għal eluf ta’ nies wara xi matempata
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 25 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>