Lokali Qorti

Ordnati jħallsu iktar minn €17,000 f’salarju lill-impjegat li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkundannat b’mod qawwi l-imġiba ta’ Frank u Edward Schembri — missier u iben rispettivament — li huma d-diretturi tal-kumpanija Schembri Infrastructures Ltd, sussidjarju tal-F. Schembri Holdings. Dawn wara li rrifjuaw li jħallsu mpjegat li weġġa’ gravi fuq il-post tax-xogħol.

Minbarra li ngħataw multa l-Qorti ordnat lid-Diretturi iħallsu s-somma ta’ €17,051.37 lill-impjegat bħala ħlas dovut, It-tnejn li huma nstabu ħatja li żammu lura l-ħlas dovut lil impjegat ta’ nazzjonalità Albaniża li sofra ġrieħi serji waqt xogħol fuq sit tal-kumpanija, kif ukoll li għamlu dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet kompetenti.

Il-każ seħħ meta l-impjegat, li kien beda jaħdem mal-kumpanija f’Marzu 2020, sofra inċident gravi fit-11 ta’ Mejju 2022 waqt li kien fuq il-post tax-xogħol. B’riżultat ta’ dan l-inċident, huwa tilef is-swaba ta’ idejh il-leminija u kellu jingħata kura intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Minkejja ċ-ċirkostanzi kbar tal-każ, il-kumpanija naqqset milli tirrikonoxxi l-obbligi tagħha, u għal żmien twil injorat it-talbiet tal-impjegat għall-ħlas. Meta l-impjegat irrealizza li ma kienx irreġistrat bħala ħaddiem ma’ Jobsplus, induna li ma kienx irreġistrat u għalhekk kien priv minn kwalunkwe benefiċċju legali li kien intitolat għalih wara l-inċident.

Kien biss wara li ressaq il-każ quddiem id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) li l-kwistjoni ġiet investigata. F’reazzjoni għall-ilment, il-kumpanija inizjalment ippruvat tgħaddi dikjarazzjoni li l-impjegat qatt ma kien impjegat magħhom, iżda mbagħad biddlu l-verżjoni u sostnew li l-ħlas tiegħu kellu jkun €5 fis-siegħa minflok is-€7 li kien jirċievi fil-fatt.

“Att ta’ bla kuxjenza u tal-mistħija” – Il-Qorti

Il-Maġistrat Frendo Dimech ikkundannat bil-qawwa dan l-aġir u sejħitlu wieħed bla kuxjenza u “ta’ mistħija”. Hi osservat li l-akkużati trattaw lill-impjegat mhux bħala persuna iżda bħala għodda, mingħajr ebda rispett lejn id-dinjità umana u mingħajr sens ta’ responsabbiltà soċjali jew legali.

Il-Qorti żiedet tgħid li l-kumpanija ma tatx ebda taħriġ lill-impjegat u ħallietu jaħdem mingħajr superviżjoni, skont dak li ġie kkonfermat minn rappreżentant tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

Investigazzjoni separata minn Jobsplus sabet li fil-kumpanija kien hemm mill-inqas sitt impjegati oħra li ma kinux irreġistrati kif suppost, u għaldaqstant l-istess diretturi kienu diġà ġew immultati amministrattivament.

Il-Qorti rrikonoxxiet li l-akkużi kienu ppruvati b’mod ċar u li l-imputati qatt ma wrew dispjaċir għall-imġiba tagħhom. Barra minn hekk, ikkonkludiet li d-diretturi għamlu dikjarazzjonijiet foloz lil DIER meta qalu li l-impjegat ma kienx impjegat magħhom, minkejja li kien hemm korrispondenza bil-miktub li kienet tikkontradixxi dan.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti: Immultat lil Frank u Edward Schembri €1,500 kull wieħed, bħala piena għall-imġiba tagħhom. Ordnathom iħallsu s-somma ta’ €17,051.37 lill-impjegat bħala ħlas dovut, li tinkludi s-salarju annwali bejn Mejju 2020 u Mejju 2021, il-bonus pro-rata, vacation leave mhux użat, public holiday entitlement u weekly allowance.

Filwaqt li rreferiet lill-Pulizija sabiex tinbeda investigazzjoni kriminali dwar id-dikjarazzjonijiet foloz li saru minn dawn iż-żewġ diretturi. Kopja tas-sentenza ġiet mgħoddija lill-Kummissarju tal-Pulizija għall-azzjoni li jista’ jħoss xieraq.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ ġiet immexxija mill-Ispettur Charlotte Curmi. Din is-sentenza tibgħat messaġġ qawwi favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u kontra dawk il-kuntratturi jew min iħaddem li jheddu l-integrazzjoni tas-sistema tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.