Lokali

Pulizija Maltin jassistu fil-Baħar l-Iswed


Erba’ pulizija bħalissa qegħdin jassistu f’operazzjoni tal-Frontex fil-Baħar l-Iswed, ‘il barra mill-Kosta tar-Rumanija.

Surġent u tliet kuntistabblijiet jinsabu stazzjonati hemmhekk bejn id-9 ta’ Lulju u l-1 ta’ Ottubru. Din hija l-ewwel darba li uffiċjali Maltin qegħdin jieħdu sehem f’operazzjonijiet fuq il-baħar barra minn Malta. Hija wkoll l-ewwel darba li l-Frontex qiegħda tagħmel din it-tip ta’ operazzjoni, fejn il-Pulizija Maltin ingħaqdu ma’ uffiċjali mill-Portugall, mill-Italja, mill-Greċja, mil-Latvja u mir-Rumanija.

Waqt din l-operazzjoni tal-Frontex, l-uffiċjali Maltin u dawk barranin qegħdin jagħmlu rond
bejn il-Portijiet ta’ Constanta u ta’ Mangalia, fir-Rumanija, li jinsabu qrib il-fruntiera mal-Bulgarija, permezz ta’ bastiment tal-Pulizija.

Fl-2022, il-Korp tal-Pulizija inawgura żewg bastimenti zgħar (RHIBS) li kienu nxtraw bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja, fejn ġie ffirmat ftehim biex ekwipaġġ Malti, bl-użu tar-RHIBS, jieħu sehem f’operazzjonijiet immexxija mill-Frontex f’ibħra barra minn Malta, skont kif ikun meħtieġ.

Waqt dawn ir-rondi fil-Baħar l-Iswed, il-Pulizija Maltin qegħdin fost oħrajn jispezzjonaw bastimenti u jiċċekkjaw id-dokumenti tal-ekwipaġġi; jgħaddu informazzjoni fuq bastimenti hekk kif ikun mitlub mill-Coast Guard Rumena; jassistu l-Coast Guard Rumena waqt operazzjoni ta’ salvataġġ f’każ ta’ bżonn; kif ukoll iwettqu spezzjonijiet mad-Dipartiment tas-Sajd Rumen.

Bħala parti mir-rutina ta’ kuljum tiġi mgħassa l-fruntiera bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija bħala deterrent għat-traffikar illegali ta’ sustanzi kif ukoll ta’ persuni, l-aktar mit-Turkija.