Lokali

Rekord ieħor: Id-dejn nazzjonali jkompli jiżdied, u jiżdied ukoll b’mod qawwi l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern

Ċifri tal-NSO juru li fl-aħħar ta’ Ġunju d-dejn tal-pajjiż żdied b’€1,012 miljun, jew €2.8 miljun f’dejn ġdid kuljum, biex kompla jqarreb lejn il-€11-il biljun li huwa rekord assolut għal pajjiżna

Għadda xahar ieħor u l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ppubblikata llum dwar il-finanzi tal-gvern reġgħet ikkonfermat li d-dejn tal-pajjiż fl-aħħar ġimgħat reġa’ kompla jisplodi ’l fuq. Barra minn hekk, l-istess ċifri tal-NSO juru li issa anke l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern kompla jiżdied b’mod qawwi meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu.

Għal darba oħra, id-dejn tal-gvern fl-aħħar ta’ Ġunju kompla jqarreb lejn iċ-ċifra ta’ €11-il biljun, li apparti li huwa rekord assolut għal pajjiżna, ifisser żieda ta’ €1,012 miljun fuq l-istess xahar fl-2024. Dan ifisser li l-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela fl-aħħar tnax-il xahar għamel kważi €2.8 miljun f’dejn ġdid kuljum.

Sostnew dan ix-Shadow Minister għall-Finanzi, Graham Bencini u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia fi stqarrija, fejn qalu li maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Minn Jannar sa Ġunju l-imgħax li ħallasna fuq id-dejn laħħaq il-€144 miljun, li jfisser żieda ta’ €17-il miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Malta qatt ma kellha daqsekk dejn. Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għamlu dejn rekord. U Robert Abela waħdu għamel dejn għal Malta daqs il-Prim Ministri kollha ta’ qablu f’daqqa.

Robert Abela sar sinonimu mad-dejn. Fil-fatt Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu għax pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn €5 biljun meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn tal-Gvern Malti, taħt Robert Abela aktar milli rdoppja.

Preokkupanti wkoll hija l-qabża kbira fl-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien jammonta għal aktar minn €457 miljun.

Dan hu riżultat tal-fatt li minkejja li d-dħul tal-gvern żdied b’€70 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra, in-nefqa tal-gvern żdiedet b’aktar minn €437 miljun. Dan irriżulta f’żieda qawwija ta’ €368 miljun fl-iżbilanċ, li fl-ewwel nofs tal-2024 kien jammonta għal madwar €89 miljun.

Waqt li dawn iċ-ċifri inkwetanti juru kif il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qed ikomplu jiksru rekord wara l-ieħor f’dak li għandu x’jaqsam mal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu, il-Gvern tal-Labour ma għandu xejn x’juri għal dan id-dejn kollu, u Abela qed jibqa’ ma joħroġ bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin u l-Għawdxin bħalma huma l-għoli tal-ħajja, il-qerda tal-ambjent, il-kriżi fis-saħħa, it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan, il-konġestjonijiet tat-traffiku, u l-problemi infrastrutturali.

Waqt li l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern u d-dejn ta’ pajiżna jkomplu jiżdiedu bla kontroll, u l-imgħax fuq id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern qed ikomplu jitħanżru, kif ammettew esponenti tal-Gvern stess.