Lokali

Residenti urtati u mxebbgħin bis-sitwazzjoni fi Triq is-Silla, Marsascala

Aħna r-residenti tal-parti t’isfel ta’ Triq is-Silla, f’Marsaskala ninsabu urtati u mxebbgħin bis-sitwazzjoni f’din it-triq hekk kif ix-xogħol ilu għaddej tliet xhur sħaħ. U s’issa għadhom għaddejjin fuq l-ewwel kwart tat-triq.

Hekk stqarru numru ta’ residenti minn Marsaskala, li spjegaw li ħadd mhu jieħu responsabbiltà ta’ dawn ix-xogħlijiet.

Diversi familji tkellmu ma’ Net News, u spjegaw li residenti anzjani u b’diżabbiltà spiċċaw priġunieri f’darhom stess għal jiem sħaħ jissaportu l-istorbju tal-inġenju u t-trabijiet. B’riżultat li m’hemmx ħinijiet ta’ mistrieħ, għax l-istorbju tal-inġenji jibqa’ għaddej sa waranofsinhar.

Ritratt: Catriel Farrugia

Barra minn din it-triq partikolari numru oħra ta’ toroq qed jingħalqu biex ikun jista’ jsir ix-xogħol fi Triq is-Silla. U dan qed isarraf f’periklu kbir biex wieħed jimxi fuq il-bankini, li nofshom huma bil-pjanċi.

Ritratt: Catriel Farrugia

Mhux hekk biss iżda fil-post ma jidher l-ebda supervisor jew Project Manager, fil-fatt it-tabella ta’ Transport Malta hi vojta – fejn m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ Project Owner, Kuntrattur jew Health and Safety Officer.  

Il-problemi f’din it-triq imorru lil’hinn minn dawk tal-aċċessibiltà hekk kif il-gandotti tad-drenaġġ qed jibqgħu miftuħ bil-firien li qed jidhru b’mod frekwenti.

Ritratt: Catriel Farrugia

Problema oħra hija l-problema tal-parkeġġ hekk kif min għandu l-garaxx bil-kera xorta ma jistax jużaħ – dan apparti l-fatt li jidher li ma hemm l-ebda pjan dwar kif għandu jsir ix-xogħol, fejn it-toroq jerġgħu jinqalaw wara ftit jiem.

Ir-residenti ilmentaw ukoll dwar kif il-Kunsill Lokali huwa bażikament ineżistenti u ftit jimpurtah minn dan l-inkonvenjent għaliex skont huma x-xogħlijiet mhumiex tagħhom.

Ritratt: Catriel Farrugia

Inkwetanti wkoll il-fatt li f’temp ta’ tliet xhur, ix-xogħol li sar huwa fl-istess 100 metru tat-triq – u kollox inżamm nofs leħja, anke f’din il-ġimgħa tal-festa.

Id-diżastru u l-inkonvenjent li qed jesperjenzaw ir-residenti ta’ din it-triq mhux l-unika wieħed ta’ dan it-tip, hekk kif din is-sitwazzjoni hija sintomatika għal diversi lokalitajiet.