Somalu ta’ 29 sena ngħata sentenza sospiża mill-Maġistrat Monica Vella wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel ieħor fiċ-Ċentru Miftuħ fil-Villaġġ ta’ Ħal-Far. Abdulahi Hassan Ali ammetta r-reati li seħħew fil-25 ta’ Mejju 2024, bejn l-10:00am. u l-1:00pm. li kienu jinkludu ġrieħi gravi b’arma li taqta’ u bil-ponta, theddid u insulti, kif ukoll użu ta’ forza kontra persuna oħra.
L-akkużat ġie wkoll akkużat bħala riċediv, billi kien diġà ġie kundannat b’sentenza li saret definittiva. Fil-bidu tal-proċeduri, l-akkużat ma wieġebx ħati, u l-każ beda jinstema’ fil-mertu, bil-prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda u d-dokumenti.
Madankollu, fil-15 ta’ Lulju 2025, meta l-provi tal-prosekuzzjoni kienu kważi magħluqa u kienet diġà ġiet sottomessa notifika mill-Avukat Ġenerali dwar l-artikoli ta’ liġi rilevanti, l-akkużat bidel il-pożizzjoni tiegħu u ammetta l-akkużi.
Qabel ma ġiet formalment aċċettata l-ammissjoni, il-Qorti spjegat lill-imputat b’mod ċar u sempliċi x’konsegwenzi legali jista’ jkollu dan il-pass, inkluż is-sentenza massima li jista’ jiffaċċja. L-imputat ingħata wkoll ħin biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu, iżda wara dan ikkonferma l-ammissjoni tiegħu u din ġiet formalment irreġistrata fil-proċeduri, assistit mill-avukat tad-difiża Mark Anthony Mifsud Cutajar.
Il-Qorti qieset li minkejja li l-ammissjoni saret f’fażi relattivament tardiva tal-proċess, dan għadu element attenwanti, u kienet limitata li tagħti sentenza skont dak li l-imputat ammetta. Għaldaqstant, wara li eżaminat is-sitwazzjoni kollha, inkluż in-natura u l-gravità tar-reati, kif ukoll il-fatt li kien hemm ammissjoni volontarja, il-Qorti sabitu ħati ta’ dak kollu li kien mixli bih.
Il-Qorti kkundannat lil Abdulahi Hassan Ali għal piena ta’ sentejn priġunerija, li madankollu ġew sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin taħt l-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali. Dan ifisser li l-imputat ma jmurx il-ħabs jekk ma jikkommettix reat ieħor serju fi żmien l-erba’ snin li ġejjin.
Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet Ordni ta’ Trażżin favur il-vittma Mohamed Mahmoud Omar u kontra l-akkużat, valida għal sena mill-mument li s-sentenza ssir finali. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni biex l-imputat iħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-qorti involuti fil-każ, ammontanti għal €1,126.02.
Jekk l-imputat ma jkunx f’pożizzjoni li jħallas l-ispejjeż, dawn jistgħu jiġu konvertiti f’ġranet ta’ priġunerija skont il-liġi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-prosekuzzjoni biex tapplika l-Artikolu 15A tal-Kodiċi Kriminali (danni favur il-vittma), peress li ma ġietx ippreżentata ebda prova li l-vittma subixxa danni materjali li jiġġustifikaw tali rimedju.
Qabel temmet, il-Qorti spjegat bl-akbar ċarezza lill-imputat l-obbligi legali li joħorġu minn din is-sentenza, inkluż x’jiġri jekk jikser il-kundizzjonijiet tas-sospensjoni.
.
//= $special ?>