Kull meta jinqabad fuq sieq waħda, minflok jindirizza l-kritika li qed issirlu minn kullimkien dwar in-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u d-dewmien fil-proġetti fil-qasam tas-saħħa, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela jinfexx jattakka lill-Oppożizzjoni.
Fl-aħħar attakk tiegħu b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet li organizza l-Partit Nazzjonalista dwar il-kriżi fil-qasam tas-saħħa mentali aktar kmieni din il-ġimgħa – din id-darba permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali – Jo Etienne Abela nqabad f’U-turn oħra dwar l-Isptar Monte Karmeli.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo qal li wara li l-ewwel kien qalilna li se jagħlaq dan l-isptar, imbagħad biddel ir-rotta u qal li se jżommu, issa l-Ministru Abela reġa’ biddel fehmtu u ddikjara li l-Gvern ħa deċiżjoni “soda” li jagħlaq Monte Karmeli.
Fl-istess ħin, ironikament, ftit biss wara l-post tal-Ministru fuq Facebook, The Shift News żvelat li l-Kap Eżekuttiv ta’ dan l-isptar, li kienet ġiet sospiża mir-rwol tagħha fuq allegazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ħażin, frodi u ksur ta’ regolamenti relatati ma’ xogħlijiet f’żewġ ċentri tas-saħħa, issa rritornat lura f’din il-kariga, fit-tmun ta’ sptar li suppost se jagħlaq il-bibien tiegħu.
Għall-mistoqsijiet li għamel il-Ministru, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jwieġeb b’konsistenza u bl-istess soluzzjonijiet li ilu jressaq ’il quddiem, imma li l-Gvern qed jinjora:
· Il-PN ilu sa minn qabel tkellem il-Ministru u sa minn qabel id-diversi U-turns li għamel dwar Monte Karmeli, isostni li dan l-isptar ma għadux fi stat li jipprovdi kura adegwata tas-saħħa mentali u għandu jingħalaq, u tinstab alternattiva;
· Il-PN ilu għal dawn l-aħħar snin isostni li s-saħħa mentali u l-kura fiżika jiġu trattati b’mod ugwali u dan kien minn dejjem ċar fil-proposti li ressaq il-PN għall-qasam tas-saħħa;
· Il-PN minn dejjem tkellem dwar pjan fis-saħħa li jiffoka fuq il-prevenzjoni waqt li jżid u jkompli jgħin lis-settur tal-kura fil-komunità biex jingħataw is-servizzi meħtieġa kemm fis-settur tas-saħħa pubblika kif ukoll mill-għaqdiet u l-organizzazzjonijiet li tant jagħmlu xogħol siewi mal-pazjenti;
· Il-PN ma jistax ma jaqbilx mal-proposti tiegħu stess, u l-proposti li l-Ministru Abela qal li qed jitwettqu huma proposti li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista qabel Jo Etienne Abela laħaq Ministru – proposti li ġew imfassla wara konsultazzjoni mal-istakeholders kollha fil-qasam tas-saħħa. Dak li ma jaqbilx miegħu l-PN huwa t-tberbiq ta’ flus fi proġetti li ġew imwiegħda sena wara l-oħra bħalma huwa l-isptar il-ġdid tas-saħħa mentali li twarrab mill-Gvern wara li ntefqu miljuni ta’ ewro u wara snin twal ta’ preparamenti, wegħdiet fiergħa u tkaxkir tas-saqajn.
Anke dwar it-taħriġ, il-PN ilu mill-2022 isostni l-ħtieġa li jingħataw korsijiet tal-ewwel għajnuna fis-saħħa mentali lill-ħaddiema kollha. Huwa tajjeb li dan it-taħriġ beda jingħata fil-qasam tal-anzjani mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u issa għandu jibda jingħata lill-ħaddiema kollha f’dan is-settur. Anke f’dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jaqbilx ma’ proposta oħra li għamel hu stess, u jfakkar li meta ftit tas-snin ilu insista fuq dawn il-korsijiet, dawn kienu jgawdu minnhom biss ftit għexieren ta’ persuni li kienu jagħmlu dan il-kors b’mod volontarju.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru Jo Etienne Abela biex minflok jintilef fil-U-turns u jkompli jedha fl-attakki fuq l-Oppożizzjoni, iwieġeb il-mistoqsijiet li qed jistaqsu n-nies, u jieħu azzjoni immedjata biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom is-servizzi li jixirqilhom fil-qasam s-saħħa mentali hekk kif l-aħħar statistika uffiċjali turi li fl-2024 f’Malta kien hawn 2,200 persuna li daħlu l-Isptar Mater Dei jew Monte Karmeli mill-Emerġenza b’xi problema jew oħra ta’ saħħa mentali, jiġifieri medja ta’ sitt persuni kuljum.
Ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo sostna li Jo Etienne Abela għandu jgħidilna meta se jinfetħu s-swali l-ġodda tas-saħħa mentali f’Mater Dei għax suppost li skont kif kien qalilna l-predeċessur tiegħu Chris Fearne, fl-2025 pajjiżna kellu jkollu sptar ġdid tas-saħħa mentali lest, imma llum għadna lanqas biss għandna s-swali ddedikati għal dan is-settur.0
Il-Ministru għas-Saħħa għandu jwieġeb ukoll dwar meta se jinvesti bis-serjetà fil-kurrikulu tal-edukazzjoni ta’ wliedna dwar is-saħħa mentali.
Tajjeb ukoll jispjega – għaliex sa issa l-Gvern għadu ma kkonfermax – hux veru li s-CEO ta’ Monte Karmeli ddaħħlet lura, x’wassal biex ingħatat lura r-rwol li kellha u x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni li saret dwar l-allegati irregolaritajiet li wasslu għas-sospenzjoni tagħha 12-il ġimgħa ilu.
//= $special ?>