Futbol Sport

Alex Satariano mistenni jiffirma ma’ klabb fil-Greċja

Alex Satariano
Alex Satariano

Birkirkara ħabbru b’mod uffiċjali li l-captain tagħhom, Alex Satariano se jkun qed iħalli lill-klabb sabiex jibda avventura ġdida lilhinn minn Malta.

Sorsi infurmati sew żvelaw ma’ Net News li Satariano mistenni jiffirma ma’ klabb fil-Greċja, fejn se jkun qed jerġa’ jkollu esperjenza oħra barra minn Malta, wara li fil-passat kien għamel żmien ma’ Frosinone fl-Italja.

Fi stqarrija maħruġa fuq il-midja soċjali tal-klabb, Birkirkara qalu li kienu qed jaċċettaw it-talba li saret mil-plejer internazzjonali Malti, Satariano biex ikun jista’ jagħmel il-pass li jmiss fil-karriera tiegħu u għalhekk Birkirkara kienu qed jilħqu ftehim mal-plejer ta’ 23 sena, biex ikun jista’ jinħall mil-kuntratt u jiffirma mingħajr xkiel ma’ klabb barrani li s’issa għadu mhux magħruf, li iżda minn informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha hu Grieg.

Il-President ta’ Birkirkara, Michael Valenzia faħħar l-impenn li Satariano ta fiż-żmien li għamel jilgħab mal-istripes u tenna li l-plejer kien “mexxej ta’ veru għal dan it-tim, kemm fil-grawnd kif ukoll barra mil-pitch. Il-kwalitajiet tiegħu ħallew impatt qawwi u pożittiv fit-tim, anke jekk fiż-żmien relattivament qasir. Filwaqt li hu dejjem diffiċli li tħalli plejer bħal Satariano jitlaq minn mal-klabb tiegħek, aħna ħadna d-deċiżjoni li nirrispettaw bis-sħiħ id-deċiżjoni u x-xewq tiegħu, dik li jesplora sfida ġdida barra minn pajjiżna. Konna konxji minn din il-possibiltá u antiċipajna li din setgħet tiġri għalhekk bħala klabb diġa’ qed naħdmu biex is-sostitut għall-vojt li se jħalli Satariano jkun plejer bi profil tajjeb, u b’hekk naċċertaw li nkomplu nsaħħu l-iskwadra qabel il-bidu tal-Kampjonat”

Satariano ssieħeb lil Birkirkara f’Awwisttu tal-2023 u b’kollox lagħab 65 partita ma’ dan it-tim u skorja sitt darbiet. Fiż-żmien li għamel jilgħab ma’ Birkirkara, Satariano mhux biss sar figura popolari mal-partitarji Karkariżi iżda kiber fl-esperjenza tal-logħob tiegħu, tant li l-prestazzjonijiet tiegħu fit-tim għenu lil Birkirkara biex ikomplu jgħollu l-livell tagħhom bħala skwadra.

F’Jannar li għadda, Satariano kien maħtur captain ta’ Birkirkara; rwol li kien wieħed importanti għaliħ u għat-tim sabiex l-Istripes fit-tmiem tal-istaġun li għadda kien wieħed mit-timijiet sfidanti għall-unuri prinċipali tal-futbol Malti u kisbu post fl-Ewropa.