Tmien ġimgħat biss qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida, it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom diżabbiltà flimkien mal-familji tagħhom, qed jaffaċċjaw diffikultijiet kbar.
Dan hekk kif numru ta’ studenti li temmew l-iskola sekondarja, għadhom bla risposta dwar jekk hux se jkunu qed jidħlu fi skola ta’ edukazzjoni terzjarja li tkun adekwata għal bżonnijiet varji.
Kien permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, li omm spjegat li huwa propju binha, flimkien ma’ numru ta’ studenti oħra li għadhom qed jistennew risposta dwar jekk għandhomx post sikur fl-unika skola li hawn f’pajjiżna, li hi attrezzata għall-bżonnijiet varji ta’ binha u ta’ studenti bħalu.
Hija spjegat, li din l-unika skola f’pajjiżna, jidher li ma għandiex biżejjed postijiet sabiex tilqa’ lill-istudenti kollha u għaldaqstant dan qed isarraf f’diffikultà kbira. B’mod speċjali, għaliex f’każ li binha ma jkollux post fl-iskola li toffri edukazzjoni terzjarja, dan se jkun qed jaffettwa sew il-benesseri tiegħu.
Dan hekk kif, persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ awtiżmu severa jkollhom bżonn rutina, u f’każ li din ir-rutina tinbidel, issarraf f’deterjorazzjoni fl-imġieba relatata mal-awtiżmu.
L-omm, ddikkjarat li huma ħafna bħal binha, li qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni. Dan minħabba l-fatt li propju ftit ġimgħat qabel bidu ta’ sena skolastika ġdida, għadhom fil-għama dwar dak li se jkun qed jiġri bl-edukazzjoni ta’ uliedhom.
Kien propju għalhekk, illi qed tiċċirkola wkoll petizzjoni sabiex il-Gvern, u l-Ministeri responsabbli, jieħdu azzjoni u jżidu r-riżorsi, l-opportunitajiet u anke t-terapija għal dawn l-istudenti. Sabiex, jinvolvu lill-ġenituri fil-proċess ta’ deċiżjoni u sabiex jipprovdu kjarifikazzjoni dwar x’se jkun qed jiġri mill-istudenti li għadhom kif waslu fi tmiem l-iskola sekondarja fost l-oħrajn.
Il-petizzjoni tappella sabiex il-Gvern jifhem, illi dawn l-istudenti qed ikunu sfruzati jmorru r-resource centre għaliex l-edukazzjoni f’pajjiżna mhix waħda inklussiva u għaldaqstant ma tipprovdix sapport adekwat lil studenti li jkollhom bżonnijiet varji.
Il-petizzjoni, tgħid ukoll illi numru sostanzjali ta’ dawn it-tfal, ma jitkellmux – u għaldaqstant huwa aktar diżappuntanti, jekk mhux illegali, li dawn it-tfal ma jkollhomx vuċi li tirrappreżentahom.
//= $special ?>