Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq riforma ta’ kwalità, trasparenti u serja fis-sistema tal-ippjanar” – Il-PN

Il-PN jistaqsi għalfejn il-Gvern ressaq żewġ abbozzi ta’ liġi f’nofs is-sajf u issa x’inhi din l-għaġla kollha biex jgħaddu dawn il-liġijiet

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Stanley Zammit u Rebekah Borg, spjegaw kif il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif il-Gvern qed jipprova jagħmel bidliet fundamentali fis-sistema tal-ippjanar ta pajjiżna li jekk jiġu approvati jistgħu jħallu konsegwenzi traġiċi fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.

Dan wara li lbieraħ ġew ippreżentati fil-Parlament żewġ abbozzi ta’ liġi mingħajr l-iċken forma ta’ konsultazzjoni pubblika. L-għaqdiet ambjentali, il-professjonisti, il-kunsilli lokali, il-komunitajiet kollha u l-pubbliku inġenerali tħallew barra. Din hija sfida diretta lill-prinċipji ta’ trasparenza u parteċipazzjoni li għandhom jiggwidaw kull proċess leġiżlattiv serju.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għalfejn dawn il-liġijiet tressqu b’din l-għaġla kollha proprju f’nofs is-sajf. Il-Gvern ilu snin jinjora l-għajta qawwija għal riforma fis-sistema tal-ippjanar u l-appelli. Allura għaliex din l-għaġla kollha issa, wara snin ta’ nuqqas ta’ azzjoni?

Ironikament dan kollu qed jiġri f’ġimgħa li matulha l-Gvern għażel li ma jlaqqax il-Parlament għal jumejn, iżda issa qed iressaq dawn il-liġijiet għal diskussjoni taparsi u ta’ malajr qabel ma jagħlaq il-Parlament ghas-sajf.  Din hija konferma ċara tan-nuqqas ta’ direzzjoni u ta’ ppjanar serju min-naħa tal-Gvern, li għażel li jinjora l-proċess demokratiku u jopera bil-moħbi f’dak li għandu jkun proċess trasparenti u inklużiv.

Din l-istess attitudni arroganti tal-Gvern Laburista hija riflessa fl-istess abbozzi ta’ liġijiet li qed iressaq. B’dawn il-liġijiet ġodda l-Gvern se jkun qed ineħħi s-salvagwardji legali li kien għad fadal biex jiġi mħares iċ-ċittadin, u se jagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar u lit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) poteri assoluti biex jibqgħu għaddejjin minn fuq kulħadd. Dan minbarra li se jirrestrinġi d-dritt tal-pubbliku li jappella mid-deċiżjonijiet tal-ippjanar. Agħar minn hekk, se jitneħħa wkoll id-dritt li l-Qrati jordnaw ir-revoka ta’ permess tal-ippjanar.

Il-verità hi li l-poplu ilu snin jistenna riforma tal-ippjanar li tpoġġi l-interess pubbliku l-ewwel. Imma minflok proċess miftuħ u inklużiv, għandna proposti ta‘ liġijiet li jnaqqsu l-protezzjoni ambjentali u jkomplu jdgħajfu l-vuċi taċ-ċittadin fil-proċess tal-ippjanar.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq proposti konkreti, inkluż mekkaniżmu ġust ta’ trasparenza u djalogu li jseħħ qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq applikazzjonijiet kontroversjali, biex tiġi eliminata l-konfużjoni, jiġu evitati kunflitti żejda, jitħaffef il-proċess u jerġa’ jkun hemm fiduċja fis-sistema tal-ippjanar.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ibiddel din l-attitudni u jniedi proċess serju waqt li jiftaħ konsultazzjoni ta’ vera u miftuħa, fejn kulħadd jingħata l-ispazju li jixraqlu biex jiddefendi l-futur ta’ dan il-pajjiż