L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp ħarġet favur l-emendi li ressaq il-Gvern b’rabta mal-iżvilupp.
Fi stqarrija ppubblikata, l-MDA qalet li dawn l-emendi huma parti minn riforma essenzjali u li mhux minnu li jippermettu lill-iżviluppaturi jgħaddu romblu minn fuq kulħadd.
L-Assoċjazzjoni anzi saħqet li l-fatt li fl-emenda, hemm inkluż li x-xogħolijiet ta’ żvilupp għandhom jiġu sospiżi waqt il-perjodu li fih ikun qed isir appell kontra l-iżvilupp – huwa inġust.
L-MDA iddikjarat li filwaqt li taqbel li persuni terzi għandhom kull dritt li jappellaw deċiżjoni ta’ ppjanar, il-waqfien immedjat waqt il-proċess ta’ appell jista’ jħalli post għal abbuż mis-sistema.
Fl-istqarrjia, ġie mtenni illi taħt il-proċeduri attwali, l-iżviluppaturi diġa’ jridu jimxu ma’ proċeduri iebsin, jikkonsultaw mal-pubbliku u anke jingħataw il-go ahead minnn numru ta’ awtoritajiet regolatorji. Dan jimmina l-investiment hekk kif il-permessi li jinħarġu mill-awtoritajiet isiru irrelevanti għal perjodu ta’ żmien.
Intant, l-assoċjazzjoni esprimiet it-tħassi tagħha dwar il-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar se tingħata l-poter sabiex twaqqaf jew tieħu permess mingħajr ma tagħti kumpens lill-iżviluppatur.
L-MDA, appellat ukoll sabiex ikun hemm rappreżentanza adekwata u trasparenti f’awtoritajiet bħalma huma n-National Building Council flimkien ma’ għaqdiet non-governattivi.
//= $special ?>