Hekk kif ninsabu ftit jiem biss ‘il bogħod mil-bidu ta’ staġun ġdid tal-futbol Malti, illum, il-Malta Premier ħabbret bidla fl-isem tal-isponsor tal-Kampjonat. Mill-istaġun il-ġdid, YoHealth se jkun qed jieħu post l-isponsor 360Sports, bl-isem uffiċjali tal-Kampjonat issa se jkun, YoHealth Malta Premier.
L-istqarrija konġunta bejn YoHealth u l-Malta Premier, tgħid li l-ftehim milħuq għal dan l-isponsorship il-ġdid hu wieħed rekord għalkemm ma tagħti l-ebda dettalji tal-ammont li se jkun qed jitħallas minn din il-kumpanija l-ġdida, li parti mil-missjoni tagħha hi li tippromwovi stil ta’ ħajja tajba permezz tal-prodotti innovattivi tagħha.
L-uniku dettall mogħti f’din l-istqarrija hu li din is-sħubija se tkun għal sentejn u se “tistabbilixxi punt ta’ riferiment ġdid fil-vjaġġ kontinwu tal-Kampjonat ta’ tkabbir u professjonaliżmu.”
L-istqarrija ma tagħmel l-ebda referenza lejn il-ftehim preċidenti ma’ 360Sports, u għalfejn twaqqaf, sena biss wara li tħabbar li kellu jkun għal tliet snin. Minn dak li wieħed jista’ jifhem pero, id-dħul finanzjarju li se jkunu qed jibbenefikaw minhu l-klabbs tal-Malta Premier permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun għola minn dak li kien hemm miftiehem ma’ 360Sports.
YoHealth hija app b’teknoloġija avvanzata u li hi mfassla biex tippromwovi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha, li tippremja lil dawk li jagħmlu użu minha talli jibqgħu attivi, filwaqt li toħloq opportunitajiet reali biex timmonetizza l-attivitá fiżika.
//= $special ?>