Lokali

“Ministru bla empatija. Irrispettaw lil uliedna”

“Niddubita kinitx tħares lejha b’mod differenti kieku kienu ulieda” “Lill-ibni tfajtuhuli l-baħar” “Ministru li m’għandiex empatija lejn il-persuni b’diżabbiltà”

Kienu dawn ftit mill-kummenti ta’ kundanna li bosta ħallew b’reazzjoni għall-kummenti tal-Ministru tal-Inklużjoni Julia Farrugia. Hekk kif jidher li ma għandiex idea tar-realtà li qed jgħixu l-familji li għandhom tfal b’diżabbiltà.

Fl-aħħar jiem, NetNews staqsa lill-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni dwar kemm huma l-Learning Support Educators neqsin bħalissa mill-iskejjel, u kemm huma t-tfal li se jiġu affetwati mal-bidu tas-sena skolastika ġdida – bil-Ministru Farrugia ma jkolliex idea dwar dawn iċ-ċifri.

Tant hu hekk, li saħanistra farfret fuq il-kollega tagħha Clifton Grima.

Ir-risposta, jew in-nuqqas ta’ risposta tal-Ministru Julia Farrugia ġibdet lejha kritika qawwija minn bosta ġenituri, li jbagħtu n-nuqqas ta’ LSE’s fl-iskejjel – ma’ uliedhom, li saħanistra jkollhom jibqgħu d-dar minħabba din is-sitwazzjoni.

Bosta kienu li stqarrew li huwa ta’ diżappunt kbir li l-Ministru tal-Inklużjoni – li suppost għandha tant għal qalba dawn it-tfal – tidher li ma tafx kemm hi realtà diffiċli li tifel jew tifla ma tmurx l-iskola għaliex ma jkunx hemm LSE’s. Fejn saħanistra, ġenitur minnhom stqarret, li lit-tifel tagħha “tefugħ il-baħar”, u li għalxejn se tkun qed tibgħatu l-privat għaliex se jsib ruħu waħdu l-iskola, u jitlef il-progress li jkun għamel.

Ġenitur ieħor stqarret li tiddubità jekk il-Ministru, kinitx tħares lejn din il-kriżi b’mod differenti li kieku kienu uliedha. B’kumment minnhom saħanistra jgħid li Julia Farrugia ma għandha l-ebda empatija lejn dawk għandhom diżabbiltà u li minkejja li hi l-Ministru tal-Inklużjoni – qatt ma sabet iċ-ċans sabiex tifhem id-diffikultajiet tagħhom.

Fost il-kummenti, kienet anke learning support educator stess li esprimiet id-diżappunt tagħha dwar kif jiġu trattati dawn il-professjonisti. Fejn iddikjarat illi jekk verament il-Gvern irid jindirizza n-nuqqas ta’ LSE’s, u jipprovdi s-sapport meħtieġ lil dawn l-istudenti, għandu l-ewwel japprezza x-xogħol tal-professjonisti u jipprovdihom b’dak kollu meħtieġ…għaliex jekk ma jsirx dan, ibagħtu l-istudenti.