“Noah is-sabiħ tagħna ħalliena. Ħalliena fl-ikbar paċi u sliem, b’kollna kemm aħna mdawrin miegħu.”
Hekk kiteb Simon Mizzi, missier iċ-ċkejken Noah, illi miet fl-isptar wara l-inċident li seħħ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa f’pool fix-Xagħra Għawdex.
Noah kellu sena u erba’ xhur.
F’messaġġ emozzjonanti, Simon Mizzi kiteb illi Noah tagħhom ħafna ħafna f’dawn ix-xhur. “Tana ħafna ferħ, u ta’ dan nirringrazzjaw lill-Mulej.”
Missieru kiteb kif it-talb ta’ din il-ġimgħa u l-velja tal-Ġimgħa ma kienux ta’ xejn. U jaf fiċ-ċert li wassluh fil-mergħat tal-Ġenna jiġri bla xkiel ħdejn in-nanna Ġuż u n-nannu Hugo.
Simon Mizzi qal ukoll illi Noah għaqqad lin-nies flimkien permezz tat-talb u l-kuraġġ li riedu jwasslu lill-familja. U dan itaffi xi ftit md-dieqa li għandhom bħalissa. Dan filwaqt illi qal li jispera li tinżamm din l-għaqda.
Tir ‘l fuq mal-anġli u mur strieħ sabiħ, stqarr missieru fuq il-media soċjali.
Anke omm Noah, Joanna, kitbet messaġġ mill-aktar kommoventi u li jmiss il-qalb – fejn stqarret li isem binha se jibqa’ ħaj. U li għal dejjem se jibqa’ iż-żgħiru tagħha.
Intant, kienu mijiet il-messaġġi ta’ appoġġ li twasslu fl-aħħar sigħat. Bis-solidarjetà li ntweriet ma’ din il-familja Għawdxija tkun waħda kbira.
