Lokali

“X’jiswa x-Shore-to-Ship jekk m’hemmx stabbiltà fis-servizz?” – PN

Il-PN jesprimi tħassib dwar inċidenti li fihom cruise liners sorġuti fil-Port il-Kbir li kienu qed jieħdu l-enerġija mill-grid nazzjonali spiċċaw bla provvista tad-dawl

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta’ stabbiltà tas-servizz il-ġdid ta’ Shore-to-Ship lill-vapuri li jkunu sorġuti fil-Port il-Kbir. Għalkemm dan huwa pass pożittiv ’il quddiem li jnaqqas it-tniġġis u jtejjeb il-kwalità tal-arja fil-portijiet għax dan is-servizz jippermetti lill-vapuri jitfu l-magni li jniġġsu u jieħdu l-elettriku mill-grid nazzjonali meta jkunu marbutin fil-port, x’utilità għandu proġett innovattiv bħal dan jekk il-provvista ma tkunx waħda stabbli u affidabbli?

Saħqu dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo, Ryan Callus, Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u Eve Borg Bonello, Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika

Il-Partit Nazzjonalista jinsab infurmat li ftit ġimgħat ilu, waqt li kien qed juża dan is-servizz, cruise liner fil-Port il-Kbir esperjenza qtugħ f’daqqa tal-provvista tal-enerġija. Kaġun ta’ dan, eluf ta’ passiġġieri abbord il-vapur sabu ruħhom mingħajr dawl u s-servizzi kollha abbord twaqqfu temporanjament, bir-riżultat li kien hemm konfużjoni sħiħa fuq il-vapur, u nħoloq inkonvenjent kbir għal dawk kollha abbord. 

Fid-dawl ta’ dan hija naturali l-mistoqsija: x’sens hemm li niftaħru b’din il-faċilità jekk is-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista ma jistgħux jiġu garantiti? Din mhix l-ewwel darba li seħħ inċident bħal dan.

Prova oħra ta’ kemm il-grid tal-elettriku ta’ pajjiżna ma tistax torbot fuqu huwa l-qtugħ regolari tad-dawl li rġajna qed nesperjenzaw issa li ninsabu fl-eqqel tas-sajf, b’diversi każijiet ta’ qtugħ tal-provvista madwar Malta u Għawdex. Kollu tort ta’ gvern li ma jippjanax fit-tul u li ma għamilx l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura biex jilqa’ għaż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni li ġab hu stess. Bil-konsegwenza li qed isallab lill-pajjiż u tilef il-kontroll effettiv fuq l-istabbiltà u l-kontinwità tal-provvista elettrika f’Malta.

Saħansitra, il-Prim Ministru stess ammetta li żidiet ġodda fid-domanda bħalma huma dawk mill-vetturi elettriċi u mis-sistema tax-Shore-to-Ship qed ipoġġu pressjoni addizzjonali fuq il-grid u qed iwasslu għal qtugħ fil-provvista. Dan ifisser li l-infrastruttura tal-elettriku ma ġietx imsaħħa biżżejjed qabel daħlu fis-seħħ dawn il-proġetti ġodda, u l-poplu qed ibati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul.

Imma l-aktar inkwetanti huwa l-impatt li din l-instabbiltà tista’ tħalli fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta f’dan is-settur. Jekk il-cruise liners jibdew jevitaw li jużaw is-servizz ta’ Shore-to-Ship minħabba l-biża’ li jispiċċaw bla dawl bħalma ġara dan l-aħħar, niġu f’sitwazzjoni fejn dan il-proġett ta’ €33 miljun ma jkun sewa għal xejn. Minflok ma nkunu qegħdin innaqqsu t-tniġġis billi nikkonvinċu lill-operaturi tal-cruise liners jużaw il-faċilitajiet fil-port, inkunu qed nibagħtu l-messaġġ li l-infrastruttura tagħna mhijiex affidabbli biżżejjed.

Jekk vapur wieħed diġà kellu esperjenza ħażina, kif nistgħu nkunu ċerti li oħrajn ma jibżgħux li jiġrilhom l-istess? Dan jista’ joħloq ripple effect fuq is-settur, bil-kaptani tal-vapuri u l-linji tal-cruise liners ikunu aktar xettiċi dwar kemm għandhom iqabbdu l-vapuri tagħhom mal-grid nazzjonali, u b’hekk din l-inizjattiva ambjentali tispiċċa ineffettiva.

In-nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-awtoritajiet dwar dan l-inċident ukoll ma jagħmilx ġid. Fil-fatt, l-inċident tal-qtugħ fil-provvista ma ġiex żvelat immedjatament mill-Gvern. Huwa inaċċettabbli li l-Gvern żamm mistura r-raġuni vera wara s-sospensjoni tal-provvista waqt li l-vapur kien sorġut mal-moll, u dan il-ħabi jwassal biss għal aktar spekulazzjoni u insigurtà fost l-operaturi u l-pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi kontabbiltà u trasparenza sħiħa min-naħa tal-Gvern dwar din il-kwistjoni. Il-Ministri responsabbli għandhom jagħtu rendikont ċar ta’ xi kkawża dan il-qtugħ fil-provvista u jiddikjaraw b’mod pubbliku x’passi qed jittieħdu biex jiġi evitat li dan jerġa’ jiġri. 

Irridu naraw miżuri konkreti u immedjati biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija, u biex proġetti tajbin bħal dak tax-Shore-to-Ship jagħtu l-frott mixtieq mingħajr ma jpoġġu lil ħadd f’riskju ta’ qtugħ fid-dawl.

Il-poplu Malti, it-turisti li jżuruna u l-industrija tal-cruise liners jistħoqqilhom aħjar. Jistħoqqilhom servizz ta’ min jorbot fuqu, ippjanar serju, u gvern li tassew iħossu responsabbli li jiżgura li jingħataw is-servizz li jippretendu minn pajjiżna.