Internazzjonali

Gaza: Iżrael jaqbel dwar il-pawżi fil-ġlied…fost l-imwiet konsistenti mill-malnutriżmu

Palestinians wait to receive food from a charity kitchen, amid a hunger crisis, in Gaza City, July 23, 2025. REUTERS/Mahmoud Issa TPX IMAGES OF THE DAY

Iżrael jidher li qed ibaxxi rasu għall-pressjoni internazzjonali wara li kkommetta ruħu għal perjodi ta’ waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza….Madankollu, dan ma jfissirx li l-gwerra qed tieqaf, bil-pawżi fl-azzjonijiet militari se jkunu effettivi biss għal għaxar sigħat kuljum fiz-zoni ta’ Gaza fejn ir-residenti Palestinjani huma fil-bżonn l-aktar tal-għajnuna umanitarja.

Fl-istess ħin, Iżrael qed jorganizza r-rotot minfejn l-għajnuna fil-forma tal-ikel u l-mediċina tkun tista’ tgħaddi aktar malajr lill-Palestinjani ta’ Gaza.

Dan ukoll waqt li l-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qed jirrifjuta ‘kategorikament’ l-akkużi li qed jimponi kriżi tal-ġuh għall-Palestinjani bħala parti minn kampanja militari.

Fl-aħħar jiem, l-Iżraeljani kienu qed ikunu suġġetti għall-kundanna kbira mill-Gvernijiet tal-Punent, bl-aġenziji tal-għajnuna jwissu li l-poplu kollu ta’ Gaza jinsab f’periklu kbir li jinqatel bil-ġuh jekk is-sitwazzjoni ma titranġax b’mod drastiku.

Dan waqt li l-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza – li hu mmexxi mill-grupp Ħamas – irrapporta li aktar minn għaxar Palestinjani oħra mietu mill-effetti tal-malnutriżmu f’perjodu ta’ 24 siegħa.

U f’din is-sitwazzjoni, il-folol tal-Palestinjani li qed jistennew għall-ikel quddiem iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna, kważi kuljum, qed jispiċċaw mira għall-isparaturi min-naħa tal-qawwiet Iżraeljani fl-inħawi.

Dan waqt li l-Armata Iżraeljana qed tirreferi għal ‘azzjonijiet suspettużi’ min-naħa tal-Palestinjani u li s-suldati qed jinterpretawhom bħala ‘movimenti ostili fil-konfront tagħhom.’

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Iżraeljani wasslu l-pakketti tal-għajnuna f’Gaza permezz ta’ hekk-imsejjaħ air drop — li jfisser l-pakkett twaddbu mill-ajruplani li għaddew fil-baxx minn fuq it-territorju. Madankollu, l-aġenziji għall-għajnuna qalu li ‘ammont hekk fqir ta’ għajnuna żgur li mhux biżżejjed biex itaffi l-kriżi tal-ġuh fost il-Palestinjani.’

Dan meta f’Gaza mietu tal-anqas 140 Palestinjan – fosthom anzjani, nisa u tfal – mill-malnutriżmu mill-bidu tal-gwerra ‘il hawn.

Taħt akkuża anki mill-alleati…

Mistenni, intant, li n-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji tal-għajnuna u diversi pajjiżi se jkomplu bil-pressjoni fuq Iżrael matul il-jiem li ġejjin. Fl-istess ħin, anki xi pajjiżi alleati ta’ Iżrael qed iwaħħlu din il-kriżi fir-restrizzjonijiet li l-Iżraeljani qed jimponu għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-ikel fil-Medda ta’ Gaza.

Iżrael, bħala l-potenza li qed tokkupa l-artijiet ta’ Gaza, għandu l-obbligu, taħt il-liġi internazzjonali,  biex jipproteġi liċ-ċivili fit-territorji. Fl-istess ħin, Iżrael qed jiċħad li qed jimplimenta l-miżuri ‘simili għal ġenoċidju’, iżda l-imwiet tal-Palestinjani qegħdin ikomplu kuljum – u bir-rati allarmanti.

Dan ukoll meta Iżrael introduċa sistema ġdida u kontroversjali għad-distribuzzjoni tal-għajnuna u fejn il-familji Palestinjani jridu bilfors jimxu distanzi twal lejn numru ta’ hubs militarizzati – b’ħafna minnhom qed jispiċċaw vittmi tal-isparaturi regolari.

Iżrael qal li din is-sistema għad-distribuzzjoni tal-għajnuna qed tevita l-possibbiltà li l-ikel u l-mediċina jispiċċaw misruqa mill-Ħamas – għalemm l-Iżraeljani qatt ma ressqu l-provi ċari li dan kien qed iseħħ tassew waqt il-ġimgħat preċedenti.

Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti fissret is-sistema attwali għat-tqassim tal-għajnuna f’Gaza bħala ‘insuffiċjenti u inumana’…Dan fost indikazzjonijiet li nqatlu ‘il fuq minn 1,000 Palestinjan mill-isparar waqt li kienu qed jistennew biex jinfetħu ċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-ikel.

U anki issa, għadu mhux ċar kemm jistgħu jidħlu kunsinni tal-ikel f’Gaza, inkella kemm l-għajnuna se tasal fil-ħin għand l-aktar residenti vulnerabbli fl-artijiet.