Futbol Sport

Gżira United ittantati minn klabbs tal-Malta Premier biex iċedu lil Luis Riascos

Luis Riascos
Luis Riascos

Gżira United qed ikunu ttantati li jikkonsidraw il-possibiltá li jċedu lil wieħed mill-aqwa barrani li għandhom fl-iskwadra, il-Kolombjan Luis Riascos.

Il-midfielder difensiv ta’ 23 sena, ilu diġa’ stt staġuni jilgħab f’pajjiżna u kien ġie f’Malta għall-ewwel darba, fl-istaġun 2019/20 meta kien iffirma l-ewwel ma’ Santa Lucia. Eventwalment Luis Riascos lagħab ukoll ma’ Senglea Athletic u Mosta, u għal dawn l-aħħar tliet staġuni hu kien plejer regolari fl-iskwadra ta’ Gżira United.

Mal-maroons hu lagħab viċin it-80 partita, fid-diversi kompetizzjonijiet li lagħab it-tim, u skorja sitt darbiet. Fl-aħħar staġuni, il-Kolombjan kompla jikber fil-logħob tiegħu u mhux l-ewwel darba li Gżira United kienu avviċinati minn klabb jew klabbs tal-Malta Premier biex il-Gżirjani jċedu lit-talent li kapaċi jilgħab f’diversi posizzjonijiet.

Fil-fatt il-versatilitá ta’ Luis Riascos tagħmlu plejer attrajenti f’għajnejn diversi kowċis ta’ diversi klabbs lokali, u Net News hu infurmat li attwalment hemm aktar minn klabb wieħed li għamel kuntatt ma’ Gżira United dwar il-possibiltá li jinnegozzjaw l-akkwist ta’ dan il-plejer li f’Settembru li ġej jagħlaq 24 sena.

Din il-paġna hi infurmata ukoll li għal Luis Riascos kien hemm interess ukoll minn klabb fil-Portugall.

Kelliem għall-klabb ta’ Gżira United ikkonferma ma’ Net News l-interess minn diversi klabbs tal-Malta Premier f’Luis Riascos, iżda saħaq li filwaqt li m’hijix ix-xewqa tal-klabb li jċedu dan il-plejer, il-maroons “kapaċi nkunu ttantati li nċedu lil Luis Riascos kemm il-darba l-offerta għaliħ tkun waħda tajba.”

Kif jingħad dejjem, kull plejer għandu l-prezz tiegħu, u fl-aħħar staġuni Gżira United kemm il-darba kienu avviċinati minn klabbs b’interess f’wieħed mill-plejers tagħhom, bl-aktar każ klassiku jkun Gabriel Mentz, bil-klabb dejjem iżomm sod ma’ kwalunkwé offerta finanzjarja li jirċievu mingħand kwalunkwé klabb, sakemm dik l-offerta ma tkunx ekwivalenti jew qrib dak li l-Gżirjani jkunu qed jippretendu.

Wieħed jifhem li fil-każ ta’ Luis Riascos, is-sitwazzjoni hi simili ħafna speċjalment għaliex il-klabb sakemm ma jkunx hemm offerta attrajenti għaliħ, m’għandux l-intenzjoni li jneħħiħ. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, wieħed jistenna jekk ikunx hemm żviluppi fil-jiem li gejjin dwar dan il-plejer, u jekk ikunx hemm klabb lokali li kapaċi jiskapriċċa lil Gżira United fl-akkwist tal-Kolombjan.