Il-President Emeritu George Abela ittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li hu flimkien ma’ martu kienu involuti f’inċident fil-Fgura.
Kienu għall-ħabta tat-3:30 tal-Ħadd waranofsinhar, meta seħħ inċident “head-on” bejn żewġ karozzi fi Triq Hompesch fil-Fgura. Il-karozzi involuti kienu Toyota Corolla u Audi Q3, bl-inċident iseħħ fit-triq traffikuża li tagħti lejn Ħaż Żabbar.
Fil-post isejjħu minnufieh il-Pulizija, numru ta’ ambulanzi u anke uffiċjali tas-CPD sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna lil dawk involuti f’dan l-inċident serju.
Hekk kif s-CPD wettqu operazzjoni delikata sabiex joħorġu persuna li kienet maqbuda fil-karozza tal-għamla Corolla.
L-inċident, kien jinvolvi erba’ persuni b’kollox, bi 3 minnhom, inkluż il-President Emeritu George Abela u s-sinjura tiegħu Margaret Abela ittieħdu l-isptar għal aktar kura.
Intant, f’messaġġ li kiteb fuq il-midja soċjali, l-Prim Ministru Robert Abela spjega li ommu u missieru jinsabu f’qadgħa stabbli u li qed jiġu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Huwa wkoll awgura l-fejqan ta’ malajr liż-żewġ persuni l-oħra involuti li sa issa għadha mhux magħrufa l-kundizzjoni tagħhom.
Kien anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li permezz ta’ post fuq il-midja soċjali tiegħu awgura fejqan ta’ malajr lill-koppja Abela, fejn spjega li anke għamel kuntatt mal-Prim Ministru Robert Abela sabiex joffrilu l-appoġġ kollu tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument.

