L-iskwadri għall-emerġenzi fil-Greċja, qed jikkumbattu ħames inċidenzi ta’ nirien kbar madwar il-pajjiż fost il-kundizzjonijiet ta’ ‘heatwave’ aħrax…Sitwazzjoni dominata minn temperaturi aktar għoljin mis-soltu għall-eqqel tas-sajf.
Fil-fatt, hu mbassar li t-temperaturi fil-Greċja se jibqgħu ‘konsistenti’ mal-44 grad Celsius, bl-iskwadri għall-emerġenzi jikkonċentraw fuq l-akbar nirien li qed jaqbdu fil-gżejjer ta’ Kythira u Evia.
Filwaqt li l-awtoritajiet huma pjuttost ottimisti li jistgħu jikkontrollaw il-fjammi hemm xorta l-possibbiltà li jaqbdu n-nirien ġodda madwar il-Greċja….Is-sitwazzjoni. f’dan il-każ qed tkun imfissra bħala ‘imprevedibbli u ferm perikoluża’
Jidher ukoll li l-fenomenu tas-sħana qed jaħkem ir-reġjun kollu tal-Eġew – bit-Turkija, ġar tal-Greċja, tirreġistra l-ogħla temperaturi fl-istorja, bil-konsegwenza li qabdu wkoll in-nirien fl-artijiet tat-Torok.
L-awtoritajiet fil-Greċja, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li diversi firefighters spiċċaw midruba waqt l-isforzi biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Dan wara li n-nirien qerdu diversi proprjetà flimkien ma’ zoni dominati mill-foresti.
Fl-aħħar sigħat ukoll qamu l-irwiefen li komplew iżidu l-qilla tal-fjammi — u sal-punt fejn il-Gvern spiċċa kostrett li jitlob formalment l-għajnuna mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea.
It-talba speċifika, f’dan il-każ, kienet għall-ajruplani attrezzati biex jikkumbattu n-nirien qalb foresta – u wara li l-fjammi avvanzaw tul xi 20 fil-mija tal-art fil-gżira ta’ Kythira.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, ħarġu d-direttivi għall-evakwazzjoni tar-residenti minn diversi villaġġi ta’ din il-gżira.
L-emerġenza tan-nirien qed tidher gravi wkoll fil-gżira ta’ Evia, bl-uffiċjali jirreferu għall-fjammi ‘inkontrollabbli’ f’zona ta’ foresta lejn il-limiti ta’ Pissona.
Qabdu wkoll nirien ġodda u intensivi fir-reġjun ta’ Messinia – bl-uffiċjali lokali jikkonfermaw il-ħsarat sinfikanti għad-djar u għall-art agrikola.
Dan waqt li għadhom ‘attivi ferm’ il-fronti tan-nirien fil-gżejjer ta’ Kythira u Evia.
//= $special ?>