Lokali

“Il-Gvern għażel li jgħaddi bulldozer” – L-NGO Għawdix

Ritratt: Martin Agius

Minflok irranġa sistema li diġa’ hi essenzjalment imkissra, il-Gvern iddeċieda li jgħaddi bulldozer minn fuq il-ftit li fadal jiffunzjona.

Iddikjarat dan l-għaqda non-governattiva Għawdix fi stqarrija ppubblikata b’rabta mal-abozz li ressaq il-Gvern Laburista b’rabta mal-iżvilupp.

Għawdix, spjegaw li minflok ingħatat aktar vuċi b’saħħitha liċ-ċittadin dwar l-ambjent, issa se jkun qed jingħata aktar poter lil dawk li diġa’ jikkontrollaw kollox, bil-Gvern jippermetti konverżazzjoni “one-way” bejn il-politiċi u l-iżviluppaturi.

L-NGO anke elenkat it-tħassib tagħha f’numru ta’ punti, inkluż id-diffikultajiet akbar li se jaffaċċja l-pubbliku biex joġġezzjoni żvilupp.

Għalhekk, l-NGO appellat lill-Gvern sabiex verament jiftaħ konsultazzjoni pubblika, b’mod speċjali meta tikkunsidra kemm diġa’ huma numerużi l-ittri miftuħa, l-protesti u t-talbiet li ġew injorati mill-Gvern.