Ekonomija Lokali

Il-prezzijiet taż-żjut u l-butir f’Malta huma fost l-aktar għoljin fl-Ewropa

Malta għandha l-aktar prezzijiet għoljin fl-Unjoni Ewropea għal diversi prodotti essenzjali tal-ikel u x-xorb.

Skont l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-ispejjeż marbutin maż-żjut, butir, xaħmijiet, u xorb mhux alkoħoliku huma fost l-aktar għoljin fl-Ewropa, bl-Iżvizzera biss li għandha prezzijiet għoljin aktar min Malta f’dawn il-kategoriji.

Il-paragun tal-prezzijiet tal-ikel, xorb u tabakk, ibbażat fuq data miġbura fl-2024, juri varjazzjonijiet sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE.

Il-pajjiżi bi prezzijiet baxxi għall-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku huma ir-Rumanija, il-Bulgarija, u l-Polonja – kollha bi prezzijiet li jinsabu taħt il-medja sew tal-UE.

Malta ġiet mal-aktar pajjiżi bi prezzijiet għoljin f’kull kategorija ta’ ikel u xorb, u għalhekk tinsab fost l-aktar pajjiżi bi prezzijiet għoljin fl-UE.

L-aktar prodotti għoljin f’Malta li jispikkaw minn din l-istatistika huma żjut, butir, xaħmijiet, ħalib, ġobon u bajd, kif ukoll xorb mhux alkoħoliku. Dan jagħmel lil Malta wieħed mill-pajjiżi l-aktar għaljin għall-familji u l-konsumaturi, speċjalment meta jiġu kkundsidrati l-pagi relattivament baxxi f’pajjiżna.

Għall-prezzijiet tal-ħalib, ġobon u bajd, Malta tinsab fir-raba’ post fl-UE, wara il-Greċja, Ċipru, u l-Bulgarija – iżda ħafna ogħla minn l-Awstrija u Franza.

Il-prezzijiet tal-frott u l-ħaxix huma wkoll għoljin ħafna f’Malta, fejn l-uniċi pajjiżi bi prezzijiet aktar għoljin huma l-Lussemburgu, Franza, u l-Isvezja.