Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, esprima kritika qawwija fil-programm Analizi kontra l-abbozzi ta’ liġijiet li l-Gvern qed jipproponi dwar il-ippjanar.
Skont Bernard Grech, dawn il-liġijiet jirrestrinġu d-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, speċjalment il-libertà ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-ippjanar. Huwa kkonferma li l-Gvern qed imur kontra l-prinċipji ta’ trasparenza u parteċipazzjoni, billi jipprova jgħaddi dawn il-liġijiet mingħajr konsultazzjoni pubblika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan l-aġir arroganti u antidemokratiku jikkostitwixxi sfida għall-iżvilupp sostenibbli u r-riforma reali f’dak is-settur, u saħaq li l-Partit Nazzjonalista se tkun il-vuċi tal-poplu biex tiġġieled għad-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi u l-ġustizzja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kompla jikkritika lill-Gvern fid-dawl tad-deċizjoni ta’ Robert Abela, meta din il-ġimgħa stess ħabbar li kien se jaħtar lil Helena Dalli Aġent President mingħajr konsultazzjoni mal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech sostna li l-PN qatt ma jista’ japprova li persuna, li kienet involuta f’inkjesta li sabet ħtijiet relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tkun aġent president. Skont Bernard Grech, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jippromwovi klima ta’ impunità, u l-għażla ta’ persuna bħal din għall-kariga fil-Presidenza hija ta’ disrispett lejn il-poplu. Huwa enfasizza wkoll kif Abela qed juża l-istituzzjoni biex iħallas djun politiċi, u jikkritika l-mod kif il-Gvern qabad il-Presidenza mingħajr konsultazzjoni xierqa, filwaqt li appella għall-unità nazzjonali.
Meta mistoqsi dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jkun responsabbli u serju fil-ġestjoni tal-proċess taċ-ċittadinanza, u l-iskema li kienet qed toħloq problemi kbar għall-pajjiżna.
Huwa enfasizza li l-PN kien qed jitlob riformi reali minn mindu l-iskema ġiet introdotta, biex il-pajjiż ikun jista’ jinvesti f’individwi li jġibu benefiċċji veritieri għall-ekonomija u r-reputazzjoni ta’ Malta, u mhux biex ikun manipulat minn min għandu flus b’intenzjonijiet ħżiena. Il-Kap tal-PN qal ukoll li l-Gvern baqa’ juri nuqqas ta’ viżjoni reali meta ma qabilx li r-riformi u l-bidliet kienu neċessarji.
//= $special ?>