It-Tajlandja u l-Kambodja, min-nhar it-Tnejn, mistennija jissieħbu f’taħditiet intiżi biex jikkonkludu perjodu qasir ta’ gwerra bejn dawn l-Istati ġirien. It-taħditiet se jsiru fil-Malasja wara li nqatlu talanqas 35 suldat u ċivili f’dan il-konflitt militari.
Hu minnu wkoll li eluf ta’ ċivili Tajlandiżi u Kambodjani spiċċaw jgħixu bħar-refuġjati mindu żbruffaw il-battalji bejn il-qawwiet tat-Tajlandja u l-Kambodja, fl-24 ta’ Lulju.
Sadanittant, l-Aġent Prim Ministru Tajlandiż, Phumtham Wechayachai, se jkun qed imexxi d-delegazzjoni ta’ pajjiżu waqt it-taħditiet tallum fil-Malasja.
Dan ukoll waqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump insista biex il-Mexxejja tat-Tajlandja u l-Kambodja jimpenjaw ruħhom għal waqfien mill-ġlied ‘immedjat’.
Mistenni li għal dawn it-taħditiet jattendi wkoll il-Prim Ministru Kambodjan, Hum Manet – bi Trump isostni li l-Istati Asjatiċi, issa, qegħdin jidhru lesti biex ifasslu l-kundizzjonijiet għall-paċi.
Madankollu – u għalkemm it-Tajlandja enfasizzat il-ħtieġa għal waqfien mill-ġlied – baqa’ għaddej xorta l-isparar tal-artillerija qalb iz-zoni tal-fruntiera komuni mal-Kambodja,
Hu minnu wkoll li l-Kambodja qed tidher li ġarrbet l-agħar riżultati minn din il-gwerra, meta l-militar tagħha hu inferjuri għall-qawwiet tat-Tajlandja.
U fl-aħħar ġranet kienu partikularment effettivi l-attakki mill-qawwiet tal-ajru Tajlandiżi fuq il-pożizzjonijiet tal-militar Kambodjan.
Madankollu, it-Tajlandja dejjem insistiet li kienet biss lesta biex tikkunsidra waqfien mill-ġlied f’sitwazzjoni fejn il-Kambodja kellha taqbel dwar djalogu – bil-Gvern Tajlandiż jaqbel ‘fi prinċipju’ li jieqaf mill-ostilitajiet dment li jara ‘l-intenzjonijiet sinċiera min-naħa ta’ Phnom Penh’.
//= $special ?>