It-toroq Maltin ħallew vittma oħra, dan hekk kif anzjana ta’ 71 sena tilfet ħajjitha f’inċident serju fil-Fgura li kien jinvolvi l-President Emeritu George Abela.
Kienu għall-ħabta tat-3:30 tal-Ħadd waranofsinhar, meta fi triq taffikuża, seħħet ħabta ‘head-on’ bejn żewġ vetturi fi Triq Hompesch fil-Fgura.
Il-karozzi involuti kienu Toyota Corolla misjuqa minn żagħżugħa ta’ 23 sena, li magħha kellha anzjana ta’ 71 sena bħala passiġġier, u Audi Q3, li kien qed isuq il-President Emeritu ta’ 77 sena, flimkien mal-mara tiegħu Margaret Abela, ta’ 76 sena, mara ta’ 42 sena, u żewġ subien ta’ 14 u 11-il sena.
Fil-post isejjħu minnufieh il-Pulizija, numru ta’ ambulanzi u anke uffiċjali tas-CPD sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna lil dawk involuti f’dan l-inċident serju.
Mal-wasla tagħhom, l-uffiċjali tas-CPD wettqu operazzjoni delikata sabiex joħorġu mara li kienet maqbuda fil-karozza tal-għamla Corolla.
L-inċident, kien jinvolvi seba’ persuni b’kollox, inkluż il-President Emeritu George Abela u s-sinjura tiegħu Margaret Abela, bil-persuni kollha jittieħdu l-isptar għal aktar kura. Fejn il-President Emeritu flimkien mas-sinjura tiegħu ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
Sfortunatament, l-anzjana tilfet ħajjitha ftit mumenti wara li seħħ l-inċident, dan filwaqt, li s-sewwieqa żgħażugħa tat-Toyota qed tissielet għall-ħajjitha fl-ITU. Il-kundizzjoni tat-tfal u tal-mara ta’ 46 sena li kienu passiġġiera mal-President Emeritu għadha mhux magħrufa.
Intant, f’messaġġ li kiteb fuq il-midja soċjali, l-Prim Ministru Robert Abela spjega li ommu u missieru jinsabu f’qadgħa stabbli u li qed jiġu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Kien anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li permezz ta’ post fuq il-midja soċjali tiegħu awgura fejqan ta’ malajr lill-President Emeritu George Abela u s-sinjura tiegħu. Fejn spjega li anke għamel kuntatt mal-Prim Ministru Robert Abela sabiex joffrilu l-appoġġ kollu tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ħatar inkjesta b’rabta ma’ dan il-każ dan filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejin.
//= $special ?>