Lokali

Mara titlef ħajjitha wara li nqabdet taħt karozza fil-Belt Valletta

Il-vittma flimkien mar-raġel tagħha kienu għadhom kif spiċċaw jistadu, kif jagħmlu b'mod regolari

F’dak li huwa t-tieni inċident fatali tal-ġurnata tal-Ħadd, mara tilfet ħajjitha wara li ttajret minn karozza fix-Xatt tal-Belt Valletta, dan filwaqt li raġel jinsab fil-periklu tal-mewt.

Kienu għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija meta seħħet ħabta bejn Subaru misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti Raħal Ġdid, u Ford Fiesta li kienet wieqfa fil-ġenb tat-triq.

Sfortunatament, fil-ħin tal-ħabta kien hemm mara ta’ 62 sena residenti l-Ħamrun li nqabdet bejn dawn iż-żewġ vetturi filwaqt li r-raġel ta’ 69 sena residenti l-Ħamrun, li jinsab fil-periklu tal-mewt kien fil-Ford Fiesta.

Fil-post isejħu minnufih ambulanza u tim mediku flimkien mal-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li taw l-ewwel għajnuna tagħhom lil din il-koppja. Iżda sfortunatament, il-mara ġiet iċċertifikata mejta fil-post.

Dawn l-istess sorsi spjegaw li din il-mara kienet flimkien mar-raġel tagħha, u kienu għadhom kif spiċċaw jistadu propju fejn il-moll tal-fast ferry, kif jagħmlu b’mod regolari.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ħatar inkjesta b’rabta ma’ dan il-każ.