Lokali

AĠĠORNATA: Raġel imut wara li tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu f’Tal-Pietà

Raġel ta’ 58 sena residenti ż-Żejtun, miet wara li tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu, kellu impatt ma’ bankina u waqa’.

Il-każ seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, fi Triq il-Marina, Tal-Pietà.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei, fejn ftit tal-ħin wara huwa ġie ċċertifikat mejjet.

ll-Maġistrat Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u fetaħ Inkjesta Maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni

Raġel kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara inċident serju bil-mutur fi Triq il-Marina, f’Tal-Pietà.

Skont informazzjoni li għandha din il-kamra tal-aħbarijiet jirriżulta li dan l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:30pm.

Sorsi spjegawlna, li għal xi raġuni l-mutur tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu, ħabat mal-bankina, tkaxkar u tgħaqqad fix-xibka tal-kostruzzjoni.

Is-sewwieq tal-mutur jidher li qed isofri minn ġrieħi serji. Dan filwaqt li nħatret inkjesta Maġisterjali.

Crew ta’ NetNews jinsab fil-post. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.