Lokali

“Robert Abela jmur fuq is-Super One biex jipprova jiddefendi l-indifensibbli” – Il-PN

Wara sentejn ta’ tkaxkir tas-saqajn, issa l-Gvern għandu jagħti ż-żmien mistħoqq għad-diskussjoni dwar il-liġi tar-riforma fl-ippjanar

Wara l-kritika qawwija li qala’ minn kull naħa – NGOs ambjentali, professjonisti u persuni minn kull qasam, saħansitra minn bosta Laburisti, dalgħodu Robert Abela mar fuq is-Super One biex jipprova jiġbor ġieħu filwaqt li baqa’ jiddefendi l-indifensibbli.

Jekk Robert Abela verament jemmen dak li jgħid, ghandu jagħmel minn kollox biex il-liġi tar-riforma fl-ippjanar li ressaq fl-eqqel tas-sajf tkun diskussa b’mod estensiv u mhux bl-għaġla biex ifittex jgħaddiha qabel ma l-Parlament jissospendi għas-sajf.

Fl-intervista ta’ dalgħodu Robert Abela ammetta li din ir-riforma ilha ġejja sentejn u fi kliemu damet iżżejjed. Issa jrid jgħaġġilha mill-Parlament biex taparsi ma jaħlix aktar ħin.

Jekk jemmen fil-ġustizzja u vearment irid li ssir diskussjoni sana biex din ir-riforma tkun għall-ġid tal-Maltin kollha, m’għandux ixekkel id-diskussjoni fil-Parlament u għandu jara li din tieħu l-ħin kollu li hemm bżonn u mhux jagħmel minn kollox biex issa tgħaddi ta’ malajr qabel jagħlaq il-Parlament.

Fuq is-Super One Abela ammetta għal darba, darbtejn, tlieta li din ir-riforma ilha biex titlesta.

Issa li l-Gvern lesta l-liġi kif iridha hu, jekk verament jemmen fil-ġustizzja u jrid li jkun hemm kunsens fuq dak li jrid jimponi hu b’għaġla, għandu jkun lest li din id-diskussjoni ma ssirx ta’ malajr imma tieħu l-ħin tagħha anke jekk dan ifisser li din id-diskussjoni fil-Parlament tkompli wara s-sajf.

Fejn ilna nistennew sentejn, il-Gvern issa m’għandux jimponi għaġla fid-diskussjoni biex inkunu ċerti li din ir-riforma tkun waħda ġusta u mhux waħda li tpaxxi biss lil min irid jagħmel li jrid hu fl-iżvilupp bil-barka tal-Gvern.

Robert Abela jaf li r-riforma kif ippreżentaha hu mhux vera li tħares sew il-ġid tal-Maltin kollha. Imma donnu għal Robert Abela il-Maltin huma biss  il-“ħbieb” tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jċedi għad-dħul ta’ riforma daqstant importanti fl-ippjanar b’għaġla u se jibqa’ jinsisti li ssir diskussjoni serja kif jistħoqqilha riforma kruċjali bħal din.

Għall-Partit Nazzjonalista, il-ġustizzja, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tad-drittijiet tan-nies jiġu l-ewwel u qabel kull interess ieħor.