Lokali

Robert Abela jwebbes rasu fuq il-liġijiet tal-ippjanar

Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu fuq il-liġijiet li ressaq il-Gvern tiegħu b’rabta mal-iżvilupp u l-ippjanar f’pajjiżna.

F’intervista li saritlu fuq is-Super One, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jinsisti li l-abozzi ta’ liġi li ressaq fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet hija waħda ħolisitka, u li hija waħda importanti sabiex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem fl-iżvilupp tiegħu.

Dan filwaqt li surrealment insista li se tkun qed isaħħaħ l-qagħda ta’ min joġġezzjona l-proċess ta’ żvilupp – għaliex huwa konvint li din hija riforma pożittiva, u kruċjali.

Fl-aħħar sigħat, l-abbozzi li ressaq il-Gvern Laburista, ġibdu lejhom kritika qawwija fosthom anke mit-tmexxija tal-Labour stess. Fejn il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras esprima biċ-ċar li ma jaqbilx ma’ dawn l-abbozzi.

Kienu anke bosta NGO’s, ambjentalisti u attivisti li ddikjaraw kif dawn l-abozzi huma anti-demokratiċi, u li jitfgħu lill-pajjiż lura fejn jidħol ambjent.

Iżda minkejja l-baraxx ta’ kritika li rċieva, l-Prim Ministru Robert Abela insista li din hija riforma pożittiva ħafna. Filwaqt li anke ddikjara li dawn ir-reazzjonijiet huma “taqliba ta’ taħt fuq, tal-verità” – cioè gidba.

Il-Prim Ministru Robert Abela, li kien ukoll avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar, kompla jinsisti li rebbieħ wieħed biss hemm wara dawn il-liġijiet – min se jdaħħal ilment.

Intant, Robert Abela insista li kritika waħda biss tista’ ssir fuq dawn l-abbozzi – li l-Gvern ħa ż-żmien tiegħu biex ressaqhom.