Il-Pulizija ta’ Michigan, bħalissa, qed jinterrogaw raġel suspettat dwar attakk, f’supermarket, li ħalla tal-anqas 14-il midruba, b’tal-anqas sitta jkunu rappurtati f’kundizzjoni kritika.
L-inċident xokkanti seħħ f’kumpless tal-kumpanija Walmart, fi Traverse City, lejn il-majjistral ta’ Detroit, u l-Pulizija qed tipprova ssib il-mottiv wara l-attakk li twettaq minn raġel ta’ 42 sena li spiċċa arrestat proprju fuq il-post tar-reat.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Uffiċċju tax-Xeriff fi Grand Traverse County u meta issa hu konfermat li l-aggressur kien attakka lin-nies b’sikkina.
L-azzjoni tidher li seħħet għall-għarrieda u li l-aggressur kien qed jaġixxi waħdu. Intant, ir-raġel spiċċa mrażżan min-nies li kienu fil-kumpless waqt il-ħin tal-attakk u sakemm waslu fuq il-post il-Pulizija.
L-awtoritjiet qalu li s-sitwazzjoni kienet ikkontrollata grazzi għall-isforzi ‘konġunti’ tal-Pulizija u ċ-ċittadini, bil-Gvernatur ta’ Michigan, Gretchen Whitmer, qed iżżomm ruħha aġġornata mal-iżviluppi waqt l-investigazzjoni.
//= $special ?>