L-għaqda Repubblika tikkundanna bil-qawwa t-tibdil li qed jipproponi l-gvern fil-liġijiet tal-ippjanar li mhuma xejn anqas minn attakk ieħor fuq is-saltna tad-dritt, fuq il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, u fuq il-ġid komuni. Dawn mhumiex riformi. Dawn huma għodod tal-impunità, imfassla wara bibien magħluqa, mingħajr konsultazzjoni mal-pubbliku, u maħsuba biex jagħtu kenn lil dawk li jagħmlu l-qliegħ mill-qerda tal-ambjent li ngħixu fih.
Nappoġġjaw b’mod sħiħ u nissieħbu mal-għaqdiet tal-ambjent u l-komunitajiet li diġà qajmu kuxjenza pubblika dwar dak li jrid jagħmel il-gvern. Il-liġijiet proposti jċaħħdu liċ-ċittadini mid-dritt li joġġezzjonaw għal żvilupp qerriedi, iliġġmu l-kapaċità tal-qrati biex jinfurzaw il-liġi, u jagħtu vantaġġ inġust lill-iżviluppaturi li jwettqu attività illegali li tħassar il-pajsaġġ ta’ pajjiżna. Il-messaġġ hu ċar: jekk tikser il-liġi u għandek il-ħbieb, il-gvern jibdel ir-regoli biex itik kenn.
Din mhix politika. Din konġura. Qed naraw eżempju bla mistħija ta’ ħtif tal-istat, fejn grupp ta’ żviluppaturi b’rabtiet politiċi u li bil-ħabi jiffinanzjaw il-partit fil-gvern, jitħallew jiktbu l-liġijiet kif jaqblilhom. Il-gvern m’għadux gwardjan tal-interess pubbliku imma ruffjan tal-ftit li jistagħnew waqt li l-bqija jħallsu l-ispiża.
Din l-ekomafja ma tagħtix kont t’għemilha lill-pubbliku. Twieġeb biss għall-qliegħ. U biex xejn ma jwaqqaf dan l-isfruttament, il-gvern qed isikket liċ-ċittadini u jżarma lill-istituzzjonijiet li suppost jipproteġuhom.
Hi l-fehma tagħna li dawn il-proposti jistgħu jiksru prinċipji importanti tal-liġi Ewropea, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għall-aċċess għall-ġustizzja fl-oqsma ambjentali, u l-obbligu li għandna li ninfurzaw standards ta’ ħarsien tal-ambjent. Malta hi marbuta bil-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali, u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li flimkien jagħtu garanzija li l-pubbliku jkollu leħen fid-deċiżjonijiet li jolqtu l-ambjent u l-mezzi legali biex jisfidaw l-abbuż.
Issa li qed jipproteġi lill-iżviluppaturi mill-konsegwenzi legali u fl-istess ħin jordom l-aċċess li għandu l-pubbliku għall-ġustizzja, il-gvern aktarx qed jikser l-obbligi tiegħu taħt il-liġi Ewropea. Repubblika se teżamina t-toroq legali u proċedurali kollha – lokali u Ewropej – biex tisfida dawn il-liġijiet.
Malta mhix il-propjetà ta’ dawk li jħallsu biex ma jkun jista’ jmisshom ħadd. Malta hi ta’ niesha li għandhom kull dritt jgħixu f’pajjiż iggvernat b’ġustizzja, mhux bil-pjaċiri.
M’aħniex se nħallu l-liġijiet tagħna, il-pajsaġġ tagħna, u d-demokrazija tagħna jinbiegħu bil-ħabi.
//= $special ?>