Għall-futbol Malti, kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, l-aħħar jiem kienu importanti mill-aspett ta’ plejers li fl-istaġun il-ġdid 2025/26 se jkunu qed jilgħabu f’Kampjonat barrani. Uħud minnhom se jkunu qed jagħmlu dan għall-ewwel darba, filwaqt li oħrajn jew iffirmaw ma’ klabb ġdid jew saħansitra ġeddew il-kuntratt tagħħom mal-klabb li kienu qed jilgħabu miegħu.
Fost il-plejers irġiel, fl-istaġun il-ġdid, in-numru ta’ plejers Maltin li se jkunu qed jilgħabu lilhinn minn xtutna se jkun qed jiżdied. Dan hu awgurju tajjeb għall-futur tat-tim nazzjonali Malti u sabiex ikomplu jinfetħu l-bibien għal aktar plejers żgħażagħ Maltin li jesponu t-talent tagħhom fil-futbo, f’Kampjonat barrani u li jkun aħjar minn dak li għadna f’Malta.
Din il-ġimgħa stess kelna l-konferma li l-winger offensiv ta’ 23 sena, Paul Mbong se jkun qed jibda avventura ġdida fis-Super liga Srbije, fl-ogħla diviżjoni Serba, mal-klabb ta’ FK Cukaricki.
Dan il-klabb hu wieħed mit-timijiet Serbi f’dan il-Kampjonat li kellu stabilitá sena wara l-oħra, billi fl-aħħar 13-il sena konsekuttivi dejjem lagħab fis-Super liga Srbije.
Il-bieraħ kelna l-konferma ukoll, li l-plejer tas-sena tal-MFA fl-aħħar staġun, Alex Satariano, laħaq ftehim li jinħall mil-kuntratt li kellu ma’ Birkirkara, sabiex ikun jista’ jissieħeb ma’ klabb barrani, bil-paġna ta’ Replay żvelat li l-internazzjonali Malti se jkun qed jilgħab fis-Super League tal-Greċja.
Għalkemm il-klabb għadu mhux magħruf, it-tluq ta’ Satariano minn Malta għal Kampjonat barrani, ifisser li l-ammont ta’ plejers fit-tim nazzjonali Malti li se jkunu qed jilgħabu barra minn Malta se jiżdied u mhux bi ftit. Aktar kmieni f’din il-kampanja akkwisti, fil-ġimgħat li għaddew, il-midfielder difensiv ta’ 27 sena, Matthew Guillaumier iffirma ma’ klabb tas-Super League Grieg, Panserraikos.
Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet huma li fl-istaġun il-ġdid, pajjiżna se jkollu tal-anqas żewġ plejers tat-tim nazzjonali Malti li se jkunu qed jilgħabu fl-ogħla diviżjoni tal-Greċja.
Matul dan ix-xahar ta’ Lulju, żewġ difensuri ċentrali tat-tim nazzjonali Malti ffirmaw ma’ klabbs f’żewġ pajjiżi differenti. Zach Muscat, li għal dawn l-aħħar staġuni dejjem lagħab f’Kampjonati barranin, saħansitra anke fl-ogħla diviżjoni Portugiża, se jkun qed jirritorna jilgħab fil-Portugall meta ffirma ma’ GD Chaves f’Liga 2, iġifieri t-tieni diviżjoni Portugiża.
Il-plejer l-ieħor hu Kurt Shaw, li ħalla lil Hibernians u ta’ 26 sena ffirma mal-klabb tas-Serie C fl-Italja, Sorrento.
Fil-jiem li għaddew, fl-Ingilterra, kelna żewġ plejer żgħażagħ li ġeddew il-kuntratt tagħhom mal-klabb li qed jilgħabu miegħu, b’wieħed minhom saħansitra jiffirma l-ewwel kuntratt professjonali tiegħu. Dan hu l-attakkant ta’ 17-il sena, Gunner Elliott li jilgħab ma’ Chesterfield FC, klabb tal-League Two fl-Ingilterra.
L-attakkant ta’ 20 sena, Basil Tuma ġedded ukoll il-kuntratt tiegħu mal-klabb tal-League One fl-Ingilterra, Reading FC.
Fil-futbol tan-nisa, matul din il-ġimgħa kelna żewġ aħbarijiet ta’ trasferimenti ta’ plejers Maltin li kienu diġa’ qed jilgħabu barra minn Malta, iżda issa se jkunu qed jilgħabu ma’ klabb ieħor.
L-Għawdxija ta’ 24 sena, Maria Farrugia li għal dawn l-aħħar snin kienet qed tilgħab fil-futbol Ingliż, ħabbret li se terġa’ tilgħab fit-tieni livell ta’ futbol tan-nisa fl-Ingilterra, iżda din id-darba ffirmat ma’ Bristol City, klabb li għandu ambizzjonijiet kbar li fl-aħħar tal-istaġun 2025/26, jikseb il-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni.
Il-plejer internazzjonali Maltija fit-tim tan-nisa, Kailey Willis, kienet trasferita b’self minn ma’ Parma għal ma’ Brescia, fis-Serie B fl-Italja.
Waħda mill-aqwa ambaxxatriċi tal-futbol tan-nisa f’Malta internazzjonalment, Haley Bugeja ukoll kienet fl-aħbarijiet meta ffirmat kuntratt ġdid ma’ Inter. Bugeja se tkun qed tkompli tilgħab mal-klabb Taljan tas-Serie A għall-erba’ snin li ġejjin.
//= $special ?>