Lokali

70% jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni l-ħażina

70% tas-sidien ta’ negozju ż-żgħar f’Malta jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni l-ħażina. Dan filwaqt li sitta minn kull għaxra mhux ċerti jekk it-12-il xahar li ġejjin hux se jkun żmien tajjeb biex huma jinvestu.

Dan kollu ħareġ mill-aħħar SME Barometer li ġie ippubblikat it-Tnejn – studju li jsir b’mod regolari mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u medji, u li jkopri it-tliet xhur bejn April u Ġunju.

Skont dan l-istħarriġ, għadu jeżisti sens ta’ dubju fuq il-mod kif jitħaddmu is-sistemi tal-Gvern li jirregolaw in-negozju. Bl-akbar inkwiet ikun dwar inugwaljanza u inġustizzji fil-konfront tas-sidien tal-ħwienet iż-żgħar.

Apparti minn hekk, tqajjmet it-tema tal-għoli tal-ħajja – sitwazzjoni li qed tippersisti b’mod regolari.

Is-survey juri kif is-sidien tal-ħwienet għadhom imħassba kemm biż-żieda enormi fil-popolazzjoni u anke bin-nuqqas ta’ governanza tajba. L-ambjent u l-kwalità tal-ħajja huma wkoll elementi li, skont tal-ħwienet, il-Gvern irid jindirizzhom b’urġenza.

Interessanti l-fatt li l-overpopulation saret tema li għall-ewwel darba qedgħa l-ewwel fil-lista tal-aktar fatturi li jħassbu n-negozji; element li jorbot ukoll mal-fatt li hawn nuqqas ta’ investiment serju fl-infrastruttura.